Dizzjunarju
Dizzjunarju huwa ġabra ta' kliem b'lingwa speċifika waħda jew iktar, li spiss tkun organizzata f'ordni alfabetika jew bir-radikali u d-daqqa tal-pinna għal-lingwi ideografiċi, u li tista' tinkludi informazzjoni dwar id-definizzjonijiet, l-użu, l-etimoloġiji, il-pronunzji, it-traduzzjoni, eċċ. jew ktieb ta' kelmiet b'lingwa waħda u bl-ekwivalenti tagħhom, li xi kultant jissejjaħ lessiku.[1] Dizzjunarju huwa referenza lessikoloġika li turi l-interrelazzjonijiet fost id-data.[2]
Issir distinzjoni wiesgħa bejn id-dizzjunarji ġenerali u dawk speċjalizzati. Id-dizzjunarji speċjalizzati jinkludu kelmiet f'oqsma speċjalisti, iktar milli firxa kompluta ta' kelmiet b'lingwa partikolari. L-oġġetti lessikali li jiddeskrivu l-kunċetti f'oqsma speċifiċi s-soltu jissejħu termini minflok kelmiet, għalkemm mhux dejjem ikun hemm konsensus jekk il-lessikoloġija u t-terminoloġija humiex żewġ oqsma differenti ta' studju. Fit-teorija, id-dizzjunarji ġenerali suppost ikunu semasjoloġiċi, u jimmappjaw il-kelmiet mad-definizzjoni tagħhom, filwaqt li d-dizzjunarji speċjalizzati suppost ikunu onomasjoloġiċi, jiġifieri l-ewwel jidentifikaw il-kunċetti u mbagħad jistabbilixxu t-termini li jintużaw biex jiġu ddeżinjati. Fil-prattika, iż-żewġ approċċi jintużaw għaż-żewġ tipi ta' dizzjunarji.[3] Hemm tipi oħra ta' dizzjunarji li jmorru lil hinn minn din id-distinzjoni, pereżempju d-dizzjunarji bilingwi (tat-traduzzjoni), id-dizzjunarji tas-sinonimi (teżawri), u d-dizzjunarji tar-rima. Il-kelma dizzjunarju s-soltu tinftiehem li tirreferi għal dizzjunarju monolingwi ġenerali.[4]
Hemm ukoll kuntrast bejn id-dizzjunarji preskrittivi jew deskrittivi. Id-dizzjunarji preskrittivi jirriflettu dak li jitqies bħala l-użu korrett tal-lingwa, filwaqt li d-dizzjunarji deskrittivi jirriflettu l-użu effettiv irreġistrat. L-indikazzjonijiet stilistiċi (eż. “informali” jew “vulgari”) f'ħafna dizzjunarji moderni jitqiesu wkoll minn xi wħud li huma inqas deskrittivi oġġettivament.[5]
Minkejja li l-ewwel dizzjunarji jmorru lura għal żmien is-Sumeri (dawn kienu dizzjunarji bilingwi), l-istudju sistematiku tad-dizzjunarji bħala oġġetti ta' interess xjentifiku fihom infushom beda fis-seklu 20 u jissejjaħ lessikografija, li nbeda l-iktar minn Ladislav Zgusta.[4] Il-bidu ta' din id-dixxiplina ġdida kien kontroversjali, u l-fassala tad-dizzjunarji prattiċi xi drabi ġew akkużati minn oħrajn minħabba nuqqas “inkredibbli” ta' metodoloġija u ta' awtoriflessjoni kritika.[6]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-iktar dizzjunarji antiki kienu tavli kunejformi b'listi bilingwi ta' kelmiet Sumeri-Akkadiċi, li ġew skoperti f'Ebla (illum il-ġurnata s-Sirja) u ġew datati li saru għall-ħabta tal-Imperu Akkadiku fl-2300 Q.K.[7] Il-glossarju tal-bidu tat-tieni millenju Q.K., Urra=hubullu, huwa l-verżjoni kanonika tal-Babilonja ta' dawn il-listi bilingwi tas-Sumeri u tal-Akkadiċi. Dizzjunarju Ċiniż ta' madwar it-tielet seklu Q.K. imsejjaħ Erya, huwa l-iktar dizzjunarju monolingwi antik li wasal sa żminijietna; għalkemm xi sorsi jikkwotaw ix-Shizhoupian ta' madwar 800 Q.K. bħala dizzjunarju, filwaqt li l-istudjużi moderni jqisuh bħala kompendju kalligrafiku ta' karattri Ċiniżi mill-bronż tad-dinastija Zhou. Philitas ta' Kos (fir-raba' seklu Q.K.) kiteb vokabolarju pijunier imsejjaħ Kelmiet Bla Ordni (Ἄτακτοι γλῶσσαι, Átaktoi glôssai) li kien jispjega t-tifsiriet ta' kelmiet Omeriċi rari u ta' kelmiet letterarji oħra, ta' kelmiet minn djaletti lokali, u ta' termini tekniċi.[8] Apollonju s-Sofist lejn l-ewwel seklu kiteb l-iktar lessiku Omeriku antik li wasal sa żminijietna. L-ewwel dizzjunarju tas-Sanskritu, l-Amarakośa, inkiteb minn Amarasimha fir-raba' seklu. Dan id-dizzjunarju nkiteb f'versi, u elenka madwar 10,000 kelma. Skont Nihon Shoki, l-ewwel dizzjunarju Ġappuniż kien il-glossarju tas-682 Niina b'karattri Ċiniżi li ilu li ntilef. L-iktar dizzjunarju Ġappuniż antik eżistenti, Tenrei Banshō Meigi tal-835, kien ukoll glossarju taċ-Ċiniż miktub. Fi Frahang-i Pahlavig, l-eterogrammi bl-Aramajk huma elenkati flimkien mat-traduzzjoni tagħhom bil-lingwa tal-Persja Ċentrali u t-traskrizzjoni fonetika bl-alfabett tal-lingwa Pazend. Dizzjunarju Irlandiż tas-seklu 9, Sanas Cormaic, kien fih l-etimoloġiji u l-ispjegazzjonijiet ta' iktar minn 1,400 kelma bl-Irlandiż. Fl-1320 fl-Indja, Amir Khusro kkompila l-Khaliq-e-bari, li fil-biċċa l-kbira kienu kelmiet mill-Ħindustan u mill-Persja.[9]
Id-dizzjunarji tal-Għarbi ġew ikkompilati bejn is-seklu 8 u s-seklu 14, u kienu jorganizzaw il-kelmiet skont ir-rima (tal-aħħar sillaba), skont l-ordni alfabetika tar-radikali, jew skont l-ordni alfabetika tal-ewwel ittra (is-sistema li pereżempju tintuża fid-dizzjunarji moderni tal-Malti). Is-sistema moderna kienet tintuża l-iktar fid-dizzjunarji speċjalisti, bħal dawk tat-termini mill-Koran u l-hadith, filwaqt li l-biċċa l-kbira tad-dizzjunarji ta' użu ġenerali, bħal-Lisan al-`Arab (tas-seklu 13, li għadu l-aqwa dizzjunarju magħruf tal-Għarbi fuq skala kbira) u l-al-Qamus al-Muhit (tas-seklu 14) kienu jelenkaw il-kelmiet fl-ordni alfabetika tar-radikali. Il-Qamus al-Muhit huwa l-ewwel dizzjunarju portabbli tal-Għarbi, li jinkludi biss il-kelmiet u d-definizzjonijiet tagħhom, u li jelimina l-eżempji li jingħataw f'dizzjunarji bħal-Lisan u l-Oxford English Dictionary.[10]
Fl-Ewropa Medjevali, kienu jintużaw il-glossarji b'ekivalenti għall-kelmiet bil-Latin vernakolari jew b'Latin iktar sempliċi (eż. il-Glossarju Leiden). Il-Catholicon (1287) ta' Johannes Balbus, xogħol grammatikali kbira b'lessiku alfabetiku, ġie adottat b'mod wiesa'. Kien iservi bħala l-bażi għal diversi dizzjunarji bilingwi u kien wieħed mill-ewwel kotba (fl-1460) li ġew stampati. Fl-1502 ġie ppubblikat id-Dictionarium ta' Ambrogio Calepino, li oriġinarjament kien dizzjunarju monolingwi Latin li matul is-seklu 16 sar glossarju multilingwi. Fl-1532, Robert Estienne ppubblika t-Thesaurus linguae latinae, u fl-1572 ibnu Henri Estienne ppubblika t-Thesaurus linguae graecae, li sas-seklu 19 intuża bħala l-bażi tal-lessikografija Griega. L-ewwel dizzjunarju monolingwi miktub fl-Ewropa kien dak tal-Ispanjol, Tesoro de la lengua castellana o española, li nkiteb minn Sebastián Covarrubias u li ġie ppubblikat fl-1611 f'Madrid, Spanja.[11] Fl-1612, ġiet ippubblikata l-ewwel edizzjoni tal-Vocabolario degli Accademici della Crusca tat-Taljan. Serva bħala l-mudell għal xogħlijiet simili bil-Franċiż u bl-Ingliż. Fl-1690, f'Rotterdam ġie ppubblikat id-Dictionnaire Universel tal-Franċiż ta' Antoine Furetière wara mewtu. Fl-1694 dehret l-ewwel edizzjoni tad-Dictionnaire de l'Académie française. Bejn l-1712 u l-1721 ġie ppubblikat il-Vocabulario portughez e latino li nkiteb minn Raphael Bluteau. Ir-Real Academia Española ppubblikat l-ewwel edizzjoni tad-Diccionario de la lengua española fl-1780, iżda d-Diccionario de Autoridades, li kien jinkludi kwotazzjonijiet minn xogħlijiet letterarji, ġie ppubblikat fl-1726. It-Totius Latinitatis lexicon ta' Egidio Forcellini ġie ppubblikat għall-ewwel darba fl-1777; dan ifforma l-bażi tax-xogħlijiet simili kollha li ġew ippubblikati minn dak iż-żmien 'l hawn.
L-ewwel edizzjoni ta' A Greek-English Lexicon ta' Henry George Liddell u ta' Robert Scott dehret fl-1843; dan ix-xogħol baqa' d-dizzjunarju bażiku tal-Grieg sal-aħħar tas-seklu 20. Fl-1858 ġie ppubblikat l-ewwel volum tad-Deutsches Wörterbuch mill-Aħwa Grimm; ix-xogħol tlesta fl-1961. Bejn l-1861 u l-1874 ġie ppubblikat id-Dizionario della lingua italiana ta' Niccolò Tommaseo. Bejn l-1862 u l-1874 ġew ippubblikati s-sitt volumi ta' A magyar nyelv szótára (id-dizzjunarju tal-Ungeriż) ta' Gergely Czuczor u János Fogarasi. Émile Littré ppubblika d-Dictionnaire de la langue française bejn l-1863 u l-1872. Fl-1863 stess deher l-ewwel volum tal-Woordenboek der Nederlandsche Taal li tlesta fl-1998. Fl-1863 ukoll, Vladimir Ivanovich Dahl ippubblika l-Explanatory Dictionary of the Living Great Russian Language. Id-dizzjunarju ta' Duden imur lura għall-1880, u attwalment huwa s-sors preskrittiv tal-ortografija tal-Ġermaniż. Id-deċiżjoni li jinbeda x-xogħol fuq is-Svenska Akademiens ordbok ittieħdet fl-1787.[12]
Id-Dizzjunarju Malti-Ingliż-Malti ta' Ġużè Aquilina ngħata l-premju tal-“Pubblikazzjoni tal-Millenju” mill-Gvern ta' Malta u jitqies bħala d-dizzjunarju ta' referenza tal-Malti. L-edizzjoni Malti-Ingliż fiha 80,000 entrata u l-edizzjoni Ingliż-Malti fiha 120,000 entrata.[13]
Fl-era diġitali tal-2021, prattikament kważi l-lingwi kollha għandhom dizzjunarji elettroniċi online[14] bħal pereżempju d-Dizzjunarju tal-Malti, li tnieda frott il-kollaborazzjoni bejn l-Università ta' Malta, Tech.mt u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.[15]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Webster's New World College Dictionary, Fourth Edition, 2002.
- ^ Nielsen, Sandro (2008). "The Effect of Lexicographical Information Costs on Dictionary Naming and Use". Lexikos. 18: 170–189. ISSN 1684-4904.
- ^ A Practical Guide to Lexicography, Sterkenburg 2003, pp. 155–157.
- ^ a b A Practical Guide to Lexicography, Sterkenburg 2003, pp. 3–4.
- ^ A Practical Guide to Lexicography, Sterkenburg 2003, p. 7.
- ^ R. R. K. Hartmann (2003). Lexicography: Dictionaries, compilers, critics, and users. Routledge. p. 21. ISBN 978-0-415-25366-6.
- ^ "Dictionary - MSN Encarta". Encarta. 2009-10-29. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-10-29. Miġbur 2021-03-01.
- ^ Peter Bing (2003). "The unruly tongue: Philitas of Cos as scholar and poet". Classical Philology. 98 (4): 330–348.
- ^ Rashid, Omar (2012-07-23). "Chasing Khusro". The Hindu (bl-Ingliż).
- ^ "Ḳāmūs", J. Eckmann, Encyclopaedia of Islam, 2nd ed., Brill.
- ^ Tesoro de la lengua castellana o española, edición integral e ilustrada de Ignacio Arellano y Rafael Zafra, Madrid, Iberoamericana-Vervuert, 2006, pg. XLIX.
- ^ "OSA – Om svar anhålles" (bl-Iżvediż). Miġbur 2021-03-01.
- ^ "Aquilina - Maltese/English/Maltese Dictionary" (bl-Ingliż). Malta Online Bookshop. Miġbur 2021-03-01.
- ^ Skinner, David (2013-05-17). "The Role of a Dictionary" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-01.
- ^ "Dizzjunarju tal-Malti - Maltese Dictionary". Dizzjunarju tal-Malti - Maltese Dictionary. Miġbur 2021-03-01.