Aqbeż għall-kontentut

Praga

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Praga
 Repubblika Ċeka
Amministrazzjoni
PajjiżRepubblika Ċeka
Kap tal-Gvern Bohuslav Svoboda (en) Translate
Isem uffiċjali Praha
hlavní město Praha
Ismijiet oriġinali Praha
Kodiċi postali 100 00–199 00, 252 26u 252 28
Ġeografija
Koordinati 50°05′15″N 14°25′17″E / 50.0875°N 14.4214°E / 50.0875; 14.4214Koordinati: 50°05′15″N 14°25′17″E / 50.0875°N 14.4214°E / 50.0875; 14.4214
Praga is located in Czech Republic
Praga
Praga
Praga (Czech Republic)
Superfiċjenti 496.21 kilometru kwadru
Għoli 235 m
Fruntieri ma' Zeleneč (en) Translate, Zdiby (en) Translate, Úvaly (en) Translate, Černošice (en) Translate, Přezletice (en) Translate, Říčany (en) Translate, Květnice (en) Translate, Bořanovice (en) Translate, Jenštejn (en) Translate, Hovorčovice (en) Translate, Radonice (en) Translate, Hostivice (en) Translate, Roztoky (en) Translate, Jíloviště (en) Translate, Sibřina (en) Translate, Podolanka (en) Translate, Jinočany (en) Translate, Chrášťany (en) Translate, Dobrovíz (en) Translate, Vestec (en) Translate, Jesenice (en) Translate, Únětice (en) Translate, Zbuzany (en) Translate, Veleň (en) Translate, Šestajovice (en) Translate, Křenice (en) Translate, Ořech (en) Translate, Kněževes (en) Translate, Průhonice (en) Translate, Zlatníky-Hodkovice (en) Translate, Horoměřice (en) Translate, Kosoř (en) Translate, Čestlice (en) Translate, Tuchoměřice (en) Translate, Nupaky (en) Translate, Jirny (en) Translate, Dolní Břežany (en) Translate, Zvole (en) Translate, Prague-East District (en) Translate, Prague-West District (en) Translateu Reġjun tal-Boemja Ċentrali
Demografija
Popolazzjoni 1,384,732 abitanti (1 Jannar 2024)
Unitajiet domestiċi 579,509
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 8 century
Kodiċi tat-telefon 2
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Taipei, Berlin, Copenhagen, Kontea ta' Miami-Dade, Nuremberg, Belt tal-Lussemburgu, Guangzhou, Amburgu, Ħelsinki, Nîmes, Prešov, Rosh HaAyin, Teramo, Bamberg, Brussell, Frankfurt, Ġerusalemm, Moska, San Pietruburgu, Chicago, Terni, Ferrara, Trento, Monza, Lecce, Napli, Vilnius, Istanbul, Sofija, Buenos Aires, Ateni, Bratislava, Madrid, Tuneż, Brussell, Amsterdam, Phoenix, Tirana, Kjoto, Cali, Drancy, Beijing, Shanghaiu Tbilisi
praha.euu praha.eu…

Praga (biċ-Ċek: Praha) hija l-belt kapitali u l-akbar belt tar-Repubblika Ċeka. Hija l-erbatax l-akbar belt fl-Unjoni Ewropea.[1] Hija wkoll il-belt kapitali storika tal-Boemja.[2] Il-belt tinsab fil-Majjistral tal-pajjiż max-xmara Vltava. Fiha jgħixu 1.3 miljun abitant, filwaqt li huwa stmat li fiż-żona urbana tagħha tgħix popolazzjoni ta' kważi żewġ miljun ruħ. Il-belt għandha klima oċeanika miti, bi sjuf sħan u bi xtiewi kesħin.

Praga hija ċentru politiku, kulturali u ekonomiku tal-Ewropa Ċentrali, bi storja rikka u b'arkitettura Rumaneska, Gotika, Rinaxximentali u Barokka. Hija kienet il-belt kapitali tar-Renju tal-Boemja u r-residenza ta' diversi Imperaturi Rumani Sagri, fosthom Karlu IV (li rrenja fl-1346-1378).[3]

Kienet belt importanti għall-monarkija Asburga u għall-Imperu Awstrijaku-Ungeriż. Il-belt qdiet rwoli importanti fir-Riformazzjonijiet tal-Boemja u Protestanti, fil-Gwerra ta' Tletin Sena u fl-istorja tas-seklu 20 bħala l-belt kapitali taċ-Ċekoslovakkja bejn il-Gwerer Dinjin u l-era Komunista ta' wara l-gwerer.[4]

Praga tospita għadd ta' attrazzjonijiet kulturali magħrufa, bosta minnhom li baqgħu jeżistu minkejja l-vjolenza u l-qerda fl-Ewropa tas-seklu 20. Fost l-attrazzjonijiet prinċipali hemm il-Kastell ta' Praga, il-Pont ta' Karlu, il-pjazza ewlenija taċ-ċentru storiku bl-arloġġ astronomiku ta' Praga, il-Kwartier Lhudi, l-għolja ta' Petřín u l-Forti ta' Vyšehrad. Iċ-ċentru storiku ta' Praga tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992.[5]

Il-belt għandha iktar minn għaxar mużewijiet ewlenin, flimkien ma' bosta teatri, galleriji, ċinema u monumenti storiċi oħra. Il-belt hija kkollegata permezz ta' sistema moderna estensiva tat-trasport pubbliku. Tospita firxa wiesgħa ta' skejjel pubbliċi u privati, inkluż l-Università ta' Karlu fi Praga, l-eqdem università fl-Ewropa Ċentrali.[6]

Praga hija kklassifikata bħala belt globali "Alfa" skont l-istudji tal-GaWC.[7] Fl-2019, il-belt kienet ikklassifikata fid-69 post fost l-iktar bliet li wieħed jgħix tajjeb fihom f'klassifika mfassla minn Mercer.[8] Fl-istess sena, l-Indiċi ta' PICSA kklassifika l-belt fit-13-il post fost l-iktar bliet li wieħed jgħix tajjeb fihom fid-dinja.[9] L-istorja rikka tagħha tagħmilha destinazzjoni turistika popolari u skont stimi tal-2017, il-belt tilqa' iktar minn 8.5 miljun viżitaturi internazzjonali fis-sena. Fl-2017 Praga ġiet ikklassifikata fil-ħames post fost il-bliet Ewropej li jżuruhom l-iktar nies fis-sena, wara Londra, Pariġi, Ruma u Istanbul.[10]

Etimoloġija u ismijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

L-isem biċ-Ċek "Praha" oriġina minn kelma Slavika antika, práh, li tfisser "baxxfond" jew "kurrent rapidu", b'referenza għall-oriġini tal-belt bħala punt minn fejn wieħed seta' jaqsam ix-xmara Vltava.[11] L-istess etimoloġija hija assoċjata mad-distrett ta' Praga f'Varsavja, il-Polonja.[12]

Verżjoni oħra tal-oriġini tal-isem hija marbuta wkoll bħal kelma biċ-Ċek práh (li tista' tfisser "pedament" wkoll) u etimoloġija leġġendarja tikkollega isem il-belt mal-prinċipessa Libuše, profetessa u mara ta' fundatur mitiku tad-dinastija Přemyslid. Jingħad li ordnat li l-belt "tinbena fejn raġel iħejji l-pedamenti ta' daru". Práh biċ-Ċek jaf tirreferi wkoll għall-kurrent rapidu jew għall-baxxfond li jofroq ix-xmara u b'hekk iservi bħala "pedament" għall-kastell.

Verżjoni oħra tal-isem Praha hi li oriġina minn na prazě, it-terminu oriġinali għall-blat tax-shale mal-ġenb tal-għolja li fuqha nbena l-kastell oriġinali. Dak iż-żmien, il-kastell kien imdawwar mill-foresti, li kienu jiksu d-disa' għoljiet tal-belt futura – iċ-ċentru storiku fuq in-naħa opposta tax-xmara, kif ukoll il-kumplament tal-belt taħt il-kastell eżistenti, tfaċċaw ferm wara.[13]

Praga hija mlaqqma wkoll il-"Belt tal-Mitt Spieri", abbażi tal-għadd tal-matematiku tas-seklu 19 Bernard Bolzano; huwa stmat li l-għadd tal-lum tas-Servizz tal-Informazzjoni ta' Praga jlaħħaq il-500 spira.[14] Laqmijiet oħra ta' Praga huma: il-Belt tad-Deheb, l-Omm tal-Bliet u l-Qalba tal-Ewropa.[15]

Matul l-elf sena ta' eżistenza tagħha, Praga kibret minn insedjament estiż mill-Kastell ta' Praga fit-Tramuntana sal-Forti ta' Vyšehrad fin-Nofsinhar, u saret il-belt kapitali ta' pajjiż Ewropew modern.

Storja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-reġjun ġie insedjat diġà fi żmien il-Paleolitiku.[16] Il-kronista Lhudi David Solomon Ganz ikkwota lil Cyriacus Spangenberg u sostna li l-belt ġiet stabbilita bħala Boihaem għall-ħabta tal-1306 Q.K. minn re antik jismu Boyya.[17]

Għall-ħabta tas-sekli 5 u 4 Q.K., tribù Ċeltika tfaċċat fl-inħawi, u iktar 'il quddiem stabbiliet xi insedjamenti, inkluż l-ikbar oppidum Ċeltiku fil-Boemja, Závist, fis-subborg attwali tan-Nofsinhar magħruf bħala Zbraslav fi Praga, li wassal biex ir-reġjun jissejjaħ Boemja, li tfisser "dar il-poplu Boii".[18] Fl-aħħar seklu Q.K., iċ-Ċeltiċi bil-mod il-mod tkeċċew mit-tribujiet Ġermaniċi (il-Markomanni, il-Kwadi, il-Lombardi u x'aktarx is-Swebi), u dan wassal biex uħud sostnew li s-sede tar-re tal-Markomanni, Maroboduus, kienet f'Závist.[19] Fl-inħawi madwar fejn illum il-ġurnata hemm Praga, mappa tas-seklu 2 impinġija minn Ptolemaios semmiet belt Ġermanika msejħa Casurgis.[20]

Fl-aħħar tas-seklu 5 W.K., matul il-perjodu l-kbir tal-migrazzjoni wara l-kollass tal-Imperu Ruman tal-Punent, it-tribujiet Ġermaniċi li kienu jgħixu fil-Boemja ċċaqilqu lejn il-Punent, u x'aktarx fis-seklu 6, it-tribujiet Slaviċi (Venedi) insedjaw ir-Reġjun tal-Boemja Ċentrali. Fit-tliet sekli ta' wara, it-tribujiet Ċeki bnew diversi insedjamenti ffortifikati fl-inħawi, l-iktar fil-wied ta' Šárka, f'Butovice u f'Levý Hradec.

Il-kostruzzjoni tal-istruttura li mbagħad saret magħrufa bħala l-Kastell ta' Praga bdiet lejn l-aħħar tas-seklu 9, bit-tkabbir ta' insedjament iffortifikat li kien ilu jeżisti fis-sit mit-800.[21] L-ewwel ġebliet taħt il-Kastell ta' Praga jmorru lura għal mhux iktar tard mit-885.[22] Il-forti prominenti l-ieħor ta' Praga, il-Forti ta' Vyšehrad tal-familja Přemyslid, ġie stabbilit fis-seklu 10, xi sebgħin sena wara l-Kastell ta' Praga.[23] Il-Kastell ta' Praga huwa ddominat mill-katidral, li beda jinbena fl-1344, iżda li ma tlestiex qabel is-seklu 20.[24]

Il-prinċipessa mitoloġika Libuše tipprofetizza l-glorja ta' Praga.

L-oriġini leġġendarja ta' Praga tattribwixxi l-istabbiliment tal-belt lid-dukessa u l-profetessa Ċeka tas-seklu 8, Libuše, u lir-raġel tagħha, Přemysl, il-fundatur tad-dinastija Přemyslid. Skont il-leġġenda, Libuše ħarġet minn irdum bil-blat ferm 'il fuq mix-xmara Vltava u tat il-profezija tagħha: "Qed nara belt kbira li l-glorja tagħha se tasal sal-istilel". Hija ordnat li jinbena kastell u raħal imsejjaħ Praha fuq dak is-sit.

Ir-reġjun sar is-sede tad-duki, u iktar 'il quddiem tar-rejiet tal-Boemja. Taħt id-Duka tal-Boemja Boleslaus II id-Devot, ir-reġjun sar veskovat fid-973.[25] Sa ma Praga ġiet elevata għal arċiveskovat fl-1344, kienet taħt il-ġurisdizzjoni tal-Arċiveskovat ta' Mainz.[26]

Mudell li jirrappreżenta l-Kastell ta' Praga u l-inħawi tal-madwar fis-seklu 10.

Praga kienet sede kummerċjali importanti fejn il-merkanti mill-Ewropa kollha ġew joqogħdu, inkluż bosta Lhud, kif imfakkar fid-965 mill-merkant u l-vjaġġatur Spanjol-Lhudi Abraham ben Jacob.[27] Is-Sinagoga l-Ġdida tal-1270 għadha teżisti fil-belt. Praga fl-imgħoddi kienet ukoll tospita suq importanti tal-iskjavi.[28]

Fis-sit tal-baxxfond tax-xmara Vltava, ir-Re Vladislaus I ordna li jinbena l-ewwel pont fl-1170, il-Pont ta' Ġuditta (Juditin most), f'ġieħ martu Ġuditta ta' Thüringen. Dan il-pont inqered mill-għargħar fl-1342, iżda wħud mill-ġebliet tal-pedamenti oriġinali tiegħu għadhom fix-xmara. Il-pont reġa' nbena u ngħata l-isem il-ġdid ta' Pont ta' Karlu.[29]

Fl-1257, taħt ir-Re Ottokar II, ġie stabbilit il-kwartier ta' Malá Strana ("Kwartier Sekondarju") fi Praga fis-sit ta' villaġġ iktar antik fiż-żona li mbagħad saret magħrufa bħala Hradčany (iż-żona tal-Kastell ta' Praga).[30] Dan il-kwartier kien id-distrett tal-Ġermaniżi, li kellhom id-dritt li jamministraw il-liġi b'mod awtonomu, skont id-drittijiet ta' Magdeburg. Id-distrett il-ġdid kien jinsab fuq ix-xatt oppost tal-iStaré Město ("Ċentru Storiku"), li kellha l-istatus uffiċjali ta' kwartier u kienet ikkonfinata minn sensiela ta' ħitan u fortifikazzjonijiet.[31]

Medju Evu Aħħari

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Katidral attwali ta' San Vito fi Praga ġie stabbilit fl-1344.

Praga ffjorixxiet matul ir-renju tas-seklu 14 (1346-1378) ta' Karlu IV, l-Imperatur Ruman Sagru u r-re tal-Boemja tad-dinastija l-ġdida tal-Lussemburgu. Bħala r-Re tal-Boemja u l-Imperatur Ruman Sagru, huwa ttrasforma lil Praga f'belt kapitali imperjali. Fis-snin 70 tas-seklu 15, Praga kellha madwar 70,000 abitant u b'erja ta' 360 ettaru (~1.4 mil kwadru) kienet it-tielet l-ikbar belt fl-Imperu Ruman Sagru.[32]

Karlu IV ordna l-kostruzzjoni tal-Kwartier il-Ġdid (Nové Město) biswit iċ-Ċentru Storiku u fassal il-pjanta hu stess. Il-Pont ta' Karlu, li ssostitwixxa l-Pont ta' Ġuditta li nqered fl-għargħar li seħħ ftit qabel ir-renju tiegħu, inbena biex jikkollega d-distretti tax-xatt tal-Lvant mal-kwartieri ta' Malá Strana u tal-Kastell. Fl-1347, huwa stabbilixxa l-Università ta' Karlu, li hija l-eqdem università fl-Ewropa Ċentrali.

Huwa beda l-kostruzzjoni tal-Katidral Gotiku ta' San Vito, fi ħdan l-ikbar bitħa esterna tal-Kastell ta' Praga, fis-sit fejn kien hemm ir-rotunda Rumaneska. Praga ġiet elevata għal arċiveskovat fl-1344, is-sena meta bdiet il-kostruzzjoni tal-katidral.[33]

Il-belt kellha zekka u kienet ċentru kummerċjali għall-bankiera u għall-merkanti Ġermaniżi u Taljani. Madankollu, l-ordni soċjali saret iktar turbolenti minħabba l-poter dejjem jiżdied tax-xirkiet tal-artiġjani (li minnhom infushom kienu mifnija minn kunflitti interni), u n-numru dejjem jiżdied ta' foqra.

Il-Ħajt tal-Ġuħ, fortifikazzjoni sostanzjali fin-Nofsinhar tal-kwartieri ta' Malá Strana u tal-Kastell, inbena matul il-ġuħ li kien hemm fis-snin 60 tas-seklu 14. Huwa maħsub li x-xogħol ġie ordnat minn Karlu IV bħala mezz biex jipprovdi l-impjiegi u l-ikel lill-ħaddiema u lill-familji tagħhom.

Karlu IV miet fl-1378. Matul ir-renju ta' ibnu, ir-Re Wenceslaus IV (1378-1419), kien hemm perjodu ta' għawġ kbir. Matul l-Għid tal-1389, membri tal-kleru ta' Praga ħabbru li l-Lhud kienu ddesakraw l-Ewkaristija u l-kleru ħeġġeġ l-attakki kontra l-kwartier Lhudi li nsteraq, inqered u ngħata n-nar. Kważi l-popolazzjoni Lhudija kollha ta' Praga (3,000 ruħ) inqatlet.[34][35]

L-arloġġ astronomiku ta' Praga ġie installat għall-ewwel darba fl-1410 u b'hekk huwa t-tielet l-iktar arloġġ astronomiku qadim fid-dinja u l-eqdem wieħed li għadu jaħdem.

Fl-1400, Praga kellha 95,000 abitant, u b'hekk kienet it-tielet l-ikbar belt fl-Ewropa (wara Pariġi u Venezja).[36] Jan Hus, a teologu u rettur fl-Università ta' Karlu, ipprietka fi Praga. Fl-1402 beda jipprietka fil-Kappella ta' Betlem. Ispirat minn John Wycliffe, dawn il-prietki ffukaw fuq dawk li dak iż-żmien kienu meqjusa bħala riformi radikali ta' Knisja korrotta. Peress li sar wisq perikoluż għall-politiċi u għar-reliġjużi ta' Praga, Hus tressaq quddiem il-Kunsill ta' Konstanz bl-akkuża ta' ereżija, u ngħata n-nar f'Konstanz fl-1415.

Erba' snin wara, Praga esperjenzat l-ewwel rewwixta kontra l-poter, meta l-poplu rribella taħt il-kmand tal-qassis ta' Praga Jan Želivský. Il-mewt ta' Hus, flimkien mal-protonazzjonaliżmu u mal-proto-Protestantiżmu Ċeki, xprunaw il-Gwerer tal-Ussiti. Ir-raħħala ribelli, immexxija mill-ġeneral Jan Žižka, flimkien mat-truppi tal-Ussiti minn Praga, rebħu kontra l-Imperatur Sigismund in fil-Battalja tal-Għolja ta' Vítkov fl-1420.

Matul il-Gwerer tal-Ussiti, meta Praga ġiet attakkata minn forzi merċenarji u tal-"Kruċjati", il-milizja tal-belt iġġieldet bi qlubija taħt il-Bandlor ta' Praga. Dan il-bandlor b'għamla ta' denb ħuttafa fuq naħa kien madwar erba' piedi b'sitt piedi (1.2 metru b'1.8 metru), b'faxx aħmar bil-fleurs-de-lis bojod żgħar, u l-istemma antika tal-fidda fin-nofs. Il-kliem "PÁN BŮH POMOC NAŠE" (Il-Mulej huwa s-Soljev tagħna) kien jidher fuq l-istemma, b'kalċi tal-Ussiti ċċentrat fuq nett. Ħdejn in-naħa bl-għamla ta' denb ħuttafa kien hemm xemx tiżreġ kulur id-deheb b'għamla ta' nofs qamar.

Rappreżentazzjoni tal-Bandlor ta' Praga (bandiera muniċipali tas-seklu 16).

Wieħed minn dawn il-bandlori nħataf mit-truppi Żvediżi matul il-Battalja ta' Praga (1648), li ħatfu x-xatt tal-Punent tax-xmara Vltava u ġew attakkati mix-xatt tal-Lvant. Huma poġġew il-bandlor fil-Mużew Militari Rjali fi Stokkolma; għalkemm dan il-bandlor għadu jeżisti, jinsab f'kundizzjoni ħażina ħafna. L-Iżvediżi ħadu wkoll il-Kodiċi ta' Gigas u l-Kodiċi Argenteus. L-iżjed evidenza bikrija tindika li gonfalon b'għamla muniċipali mpittra fuqu kien jintuża għaċ-Ċentru Storiku diġà mill-1419. Peress li l-bandlor tal-milizja tal-belt kien jintuża qabel l-1477 u matul il-Gwerer tal-Ussiti, jirrappreżenta l-eqdem bandiera muniċipali tal-Boemja li għadha ppreservata.[37]

Fiż-żewġ sekli ta' wara, Praga saħħet ir-rwol tagħha bħala belt merkantili. Inbnew bosta binjiet Gotiċi notevoli u żdiedet is-Sala ta' Vladislav fil-Kastell ta' Praga.[38]

Żmien l-Asburgi

[immodifika | immodifika s-sors]
L-istemma ta' Praga (1649).

Fl-1526, il-familji nobbli tal-Boemja eleġġew lil Ferdinandu I tal-Asburgi. Il-Kattoliċiżmu qalil tal-membri tal-familja wassal għal kunflitti fil-Boemja u mbagħad fi Praga, fejn l-ideat Protestanti kienu qed jiksbu popolarità sew.[39] Dawn il-problemi ma kinux evidenti taħt l-Imperatur Ruman Sagru Rudolf II, li ġie elett Re tal-Boemja fl-1576, li għażel lil Praga bħala r-residenza tiegħu. Huwa għex fil-Kastell ta' Praga, fejn il-qorti tiegħu laqgħet mhux biss lill-astrologi u lill-persuni midħla tal-maġija, iżda anke lix-xjenzati, lill-mużiċisti u lill-artisti. Rudolf kien iħobb l-arti wkoll, u Praga saret il-belt kapitali tal-kultura Ewropea. Dan kien perjodu ta' prosperità għall-belt: in-nies famużi li kienu jgħixu hemmhekk dak iż-żmien kienu jinkludu l-astronomi Tycho Brahe u Johannes Kepler, il-pittur Arcimboldo, l-alkemisti Edward Kelley u John Dee, lill-poeta Elizabeth Jane Weston, u oħrajn.

Fl-1618, it-tieni rewwixta famuża kontra l-poter fi Praga kkawżat il-Gwerra tat-Tletin Sena, perjod partikolarment aħrax għal Praga u għall-Boemja. Ferdinandu II tal-Asburgi ġie depost, u postu bħala r-Re tal-Boemja ttieħed minn Federiku V, l-Elettur Palatin; madankollu, l-armata tiegħu ġarrbet telfa kbira fil-Battalja tal-Muntanja l-Bajda (1620) mhux wisq 'il bogħod mill-belt. Fl-1621 ġew iġġustizzjati 27 mexxej Protestant Ċek (involuti fir-rewwixta) fil-pjazza ewlenija taċ-ċentru storiku u ġew eżiljati bosta oħrajn. Praga reġgħet ġiet obbligata tikkonverti għall-Kattoliċiżmu Ruman flimkien mal-artijiet Ċeki l-oħra. Sussegwentement, il-belt batiet matul il-gwerra minħabba l-attakk mill-Elettorat tas-Sassonja (1631) u matul il-Battalja ta' Praga (1648).[40] Praga qabdet it-triq tan-niżla b'mod kostanti u b'hekk il-popolazzjoni naqset minn 60,000 ruħ li kellha fis-snin ta' qabel il-gwerra għal 20,000 ruħ. Fit-tieni nofs tas-seklu 17, il-popolazzjoni ta' Praga reġgħet qabdet tikber. Il-Lhud kienu ilhom jgħixu fi Praga minn tmiem is-seklu 10 u sal-1708 kienu jirrappreżentaw madwar kwart tal-popolazzjoni ta' Praga.[41]

Fl-1689, nar kbir ġarrab ħsarat kbir fi Praga, iżda dan xpruna r-rinnovazzjoni u l-kostruzzjoni mill-ġdid tal-belt. Fl-1713-1714, tifqigħa kbira tal-pesta affettwat lil Praga għall-aħħar darba, u qatlet bejn 12,000 u 13,000 ruħ.[42]

Monument iddedikat lil František Palacký, membru sinifikanti tal-Moviment Nazzjonalistiku Ċek.

Fl-1744, Federiku l-Kbir tal-Prussja invada l-Boemja. Huwa ħataf lil Praga wara assedju aħrax u twil li matulu parti kbira tal-belt inqerdet. Fl-1757 l-ibbumbardjar mill-Prussjani qered iktar minn kwart mill-belt u l-Katidral ta' San Vito ġarrab ħsarat estensivi. Madankollu, xahar wara, Federiku l-Kbir ġarrab telfa u ġie mġiegħel jirtira mill-Boemja.[43]

L-ekonomija ta' Praga baqgħet tissaħħaħ matul is-seklu 18. Il-popolazzjoni żdiedet għal 80,000 abitant sal-1771. Bosta merkanti u nobbli għonja sebbħu l-belt b'għadd ta' palazzi, knejjes u ġonna mimlija arti u mużika, u b'hekk ħolqu belt Barokka rinomata mad-dinja kollha sa llum il-ġurnata.

Fl-1784, taħt Josef II, l-erba' muniċipalitajiet ta' Malá Strana, Nové Město, Staré Město u Hradčany saru entità waħda. Id-distrett tal-Lhud, imsejjaħ Josefov, ġie inkluż fl-1850 biss. Ir-Rivoluzzjoni Industrijali pproduċiet bidliet u żviluppi kbar fi Praga, peress li l-fabbriki l-ġodda setgħu jieħdu vantaġġ mill-minjieri tal-faħam u mill-impjanti tal-ħadid tar-reġjuni fil-qrib. L-ewwel subborg, Karlín, inħoloq fl-1817, u għoxrin sena wara l-popolazzjoni qabżet il-100,000 ruħ.

Ir-rivoluzzjonijiet fl-Ewropa fl-1848 affettwaw ukoll lil Praga, iżda ġew maħnuqa ferm. Fis-snin ta' wara, beda jitfaċċa l-Moviment Nazzjonalistiku Ċek u ssaħħaħ sa ma kiseb il-maġġoranza tal-kunsill tal-belt fl-1861. Praga kellha maġġoranza ta' ċittadini jitkellmu bil-Ġermaniż fl-1848, iżda sal-1880 l-għadd ta' kelliema tal-Ġermaniż naqas għal 14 % (42,000 ruħ), u sal-1910 naqas għal 6.7 % (37,000 ruħ), minħabba żieda kbira fil-popolazzjoni kumplessiva tal-belt ikkawżata mill-influss ta' Ċeki mill-kumplament tal-Boemja u l-Moravja, kif ukoll iż-żieda fil-prestiġju u fl-importanza tal-lingwa Ċeka bħala parti mill-azzjonijiet tal-Moviment Nazzjonalistiku Ċek.

Statwa ta' Tomáš Garrigue Masaryk qrib il-Kastell ta' Praga.

L-Ewwel Repubblika Ċekoslovakka

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Ewwel Gwerra Dinjija ntemmet bit-telfa tal-Imperu Awstrijaku-Ungeriż u l-ħolqien taċ-Ċekoslovakkja. Praga ntgħażlet bħala l-belt kapitali u l-Kastell ta' Praga ntgħażel bħala s-sede tal-President Tomáš Garrigue Masaryk. Dak iż-żmien Praga kienet tassew belt kapitali Ewropea b'industrija żviluppata ferm. Sal-1930, il-popolazzjoni kienet żdiedet għal 850,000 ruħ.

It-Tieni Gwerra Dinjija

[immodifika | immodifika s-sors]

Adolf Hitler ordna lill-Armata Ġermaniża tidħol fi Praga fil-15 ta' Marzu 1939, u mill-Kastell ta' Praga pproklama li l-Boemja u l-Moravja kienu saru protettorat Ġermaniż. Għall-biċċa l-kbira tal-istorja tagħha, Praga kienet belt multietnika b'popolazzjonijiet importanti ta' nies Ċeki, Ġermaniżi u Lhud.[44] Mill-1939, meta l-pajjiż ġie okkupat mill-Ġermanja Nażista, Hitler ħa l-kontroll tal-Kastell ta' Praga. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-biċċa l-kbira tal-Lhud ġew deportati u nqatlu mill-Ġermaniżi. Fl-1942, Praga kienet xhieda għall-qtil ta' wieħed mill-iżjed irġiel setgħana fil-Ġermanja Nażista — Reinhard Heydrich — matul l-Operazzjoni Antropojd, imwettqa mill-eroj nazzjonali Ċekoslovakki Jozef Gabčík u Jan Kubiš. Hitler imbagħad ordna kontroattakki fejn inxtered ħafna demm.[45]

Praga meħlusa mill-Armata Ħamra f'Mejju 1945.

Fi Frar 1945, Praga ġarrbet bosta attakki bil-bombi mill-ajru mill-Forzi tal-Ajru tal-Armata tal-Istati Uniti. 701 persuna nqatlu, iktar minn 1,000 ruħ indarbu u xi binjiet, fabbriki u binjiet ikoniċi storiċi (il-Monasteru ta' Emmaus, id-Dar ta' Faust, is-Sinagoga ta' Vinohrady) inqerdu.[46] Madankollu, bosta strutturi storiċi fi Praga ħelsuha ħafif mill-qerda tal-gwerra u l-ħsarat imġarrba kienu żgħar meta mqabbel mal-qerda totali f'bosta bliet oħra f'dak iż-żmien. Skont il-bdoti Amerikani, dan kien ir-riżultat ta' żball fin-navigazzjoni. F'Marzu, attakk deliberat immira lejn il-fabbriki militari fi Praga, u nqatlu madwar 370 ruħ.[47]

Fil-5 ta' Mejju 1945, jumejn qabel il-waqgħa tal-Ġermanja, kien hemm rewwixta kontra l-Ġermanja. Diversi eluf ta' Ċeki nqatlu f'erbat ijiem ta' ġlied imdemmi fit-toroq, u saru bosta atroċitajiet miż-żewġ naħat. Fit-tbexbix tad-9 ta' Mejju, it-Tielet Armata tal-Armata Ħamra ħakmet il-belt kważi mingħajr oppożizzjoni. Il-maġġoranza (madwar 50,000 ruħ) tal-popolazzjoni Ġermaniża ta' Praga ħarbu jew tkeċċew bid-digrieti ta' Beneš wara l-gwerra.

Gwerra Bierda

[immodifika | immodifika s-sors]
Ir-Rivoluzzjoni tal-Bellus f'Novembru 1989.

Praga kienet belt f'pajjiż li kien taħt il-kontroll militari, ekonomiku u politiku tal-Unjoni Sovjetika. L-ikbar monument ta' Stalin fid-dinja ġie żvelat fuq l-Għolja ta' Letná fl-1955 u nqered fl-1962. Ir-Raba' Kungress tal-Kittieba Ċekoslovakki, li sar fil-belt f'Ġunju 1967, ħa pożizzjoni b'saħħitha kontra r-reġim.[48] Fil-31 ta' Ottubru 1967 l-istudenti għamlu dimostrazzjonijiet fi Strahov. Dan xpruna lis-segretarju l-ġdid tal-Partit Komunista Ċekoslovakk, Alexander Dubček, biex jipproklama patt ġdid għall-ħajja tal-belt tiegħu u ta' pajjiżu, li ta bidu għall-istaġun qasir tas-"soċjaliżmu b'wiċċ uman". Kienet ir-Rebbiegħa ta' Praga li mmirat lejn ir-rinnovazzjoni tal-istituzzjonijiet politiċi b'mod demokratiku. Il-pajjiżi membri l-oħra tal-Patt ta' Varsavja, għajr ir-Rumanija u l-Albanija, kienu mmexxija mill-Unjoni Sovjetika biex joħonqu dawk ir-riformi permezz tal-invażjoni taċ-Ċekoslovakkja u tal-belt kapitali, Praga, fil-21 ta' Awwissu 1968. L-invażjoni, l-iktar bil-fanterija u bit-tankijiet tal-gwerra, ħonqot effettivament kwalunkwe tentattiv ieħor ta' riformi. L-okkupazzjoni militari taċ-Ċekoslovakkja mill-Armata Ħamra ntemmet biss fl-1991. Jan Palach u Jan Zajíc ikkommettew suwiċidju billi taw in-nar lilhom infushom f'Jannar u fi Frar 1969 biex jipprotestaw kontra n-"normalizzazzjoni" tal-pajjiż.

Wara r-Rivoluzzjoni tal-Bellus

[immodifika | immodifika s-sors]
Binjiet għoljin moderni ta' Praga fil-kwartier ta' Pankrác.

Fl-1989, wara li l-pulizija rażżnu bil-forza dimostrazzjoni paċifika tal-istudenti, ir-Rivoluzzjoni tal-Bellus iffullat fit-toroq ta' Praga, u l-belt kapitali taċ-Ċekoslovakkja gawdiet ferm bis-saħħa ta' din il-"burdata" l-ġdida. Fl-1993, wara d-Divorzju tal-Bellus, Praga saret il-belt kapitali tar-Repubblika Ċeka l-ġdida. Mill-1995 bdew jinbnew bosta binjiet għoljin fi Praga. Lejn l-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20, Praga reġgħet saret ċentru kulturali importanti tal-Ewropa u ġiet influwenzata ferm mill-globalizzazzjoni.[49] Fis-sena 2000, il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u l-Bank Dinji organizzaw is-summits tagħhom fi Praga u seħħew protesti vjolenti kontra l-globalizzazzjoni. Fl-2002, Praga ġarrbet għargħar kbar li kkawżaw ħsarat estensivi lill-binjiet u lis-sistema tat-trasport ta' taħt l-art tal-belt.

Praga varat il-kandidatura tagħha biex tospita l-Logħob Olimpiku tas-sajf tal-2016[50], iżda ma rnexxilhiex tasal fost l-aħħar bliet kandidati. F'Ġunju 2009, bħala riżultat tal-pressjoni finanzjarja mir-reċessjoni globali, l-uffiċjali ta' Praga għażlu li jikkanċellaw il-kandidatura ppjanata tal-belt biex tospita l-Logħob Olimpiku tas-sajf tal-2020.[51]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Tlugħ ix-xemx fix-xitwa ta' Praga.

Iċ-Ċentru Storiku ta' Praga ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992 u ż-żona ta' lqugħ tas-sit ġiet immodifikata kemxejn fl-2012.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[5]

Praga tinsab max-xmara Vltava. Ix-xmara Berounka tnixxi fix-xmara Vltava fis-subborgi ta' Lahovice. Fi Praga hemm 99 mogħdijiet tal-ilma b'tul totali ta' 340 km (210 mil). L-itwal nixxigħat huma Rokytka u Botič.[52]

Hemm tliet ġibjuni, 37 għadira u 34 ġibjun ta' riżerva u polders nexfin fil-belt. L-ikbar għadira hi Velký Počernický li fiha 41.76 ettaru (103.2 akri). L-ikbar korp tal-ilma hu l-Ġibjun ta' Hostivař li fih 42 ettaru (103.8 akri).[53]

F'termini tad-diviżjoni ġeomorfoloġika, il-biċċa l-kbira ta' Praga tinsab fil-Promontorju ta' Praga. Fin-Nofsinhar it-territorju tal-belt jestendi fl-artijiet għoljin ta' Hořovice, filwaqt li fit-Tramuntana jestendi fl-artijiet baxxi tax-xmara Elbe ċentrali. L-ogħla punt huwa l-quċċata tal-għolja ta' Teleček fil-fruntiera tal-Punent ta' Praga, 399 metru (1,309 piedi) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Għoljiet notevoli fiċ-ċentru ta' Praga huma dawk ta' Petřín għolja 327 metru (1,073 pied) u ta' Vítkov għolja 270 metru (890 pied). L-iktar punt baxx hu x-xmara Vltava f'Suchdol fil-punt fejn toħroġ mill-belt, b'għoli ta' 172 metru (564 pied).[54]

Praga tinsab bejn wieħed u ieħor fil-koordinati 50°5′N 14°25′E. Praga tinsab kważi fl-istess latitudni ta' Frankfurt, il-Ġermanja;[55] Pariġi, Franza;[56] u Vancouver, il-Kanada.[57] L-iżjed punt fit-Tramuntana jinsab fil-koordinati 50°10′39″N 14°31′37″E, l-iżjed punt fin-Nofsinhar jinsab fil-koordinati 49°56′31″N 14°23′44″E, l-iżjed punt fil-Punent jinsab fil-koordinati 50°6′14″N 14°13′31″E, u l-iżjed punt fil-Lvant jinsab fil-koordinati 50°5′14″N 14°42′23″E.[58]

Veduta panoramika tal-belt.
Immaġni satellitari ta' Praga.

Praga għandha klima oċeanika (skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen: Cfb)[59][60] b'influwenzi kontinentali umdużi (Dfb), definiti mill-iżoterm ta' 0 °C (32 °F).[61] Ix-xtiewi jkunu relattivament kesħin b'temperaturi medji qrib il-punt tal-iffriżar, u bi ftit xemx. Il-borra tiksi l-belt spiss bejn nofs Novembru u l-aħħar ta' Marzu, għalkemm akkumuli tal-borra ta' iktar minn 200 mm (tmien pulzieri) rari jseħħu. Ikun hemm ukoll ftit perjodi ta' temperaturi miti fix-xtiewi. Normalment fis-sjuf ikun hemm ħafna xemx u t-temperatura għolja medja tkun 24 °C (75 °F). Billejl jaf ikun ftit kiesaħ anke fis-sajf. Il-preċipitazzjoni fi Praga tkun pjuttost baxxa (ftit iktar minn 500 mm jew 20 pulzier fis-sena) peress li l-belt tinsab fl-irpar tas-Sudetes u ktajjen muntanjużi oħra. L-iżjed staġun niexef normalment ikun ix-xitwa filwaqt li l-aħħar tar-rebbiegħa u s-sajf iġibu magħhom xita pjuttost qliel, speċjalment ħalbiet bir-ragħad. L-inverżjonijiet fit-temperaturi huma relattivament komuni bejn nofs Ottubru u nofs Marzu u jġibu magħhom jiem biċ-ċpar u bil-kesħa, u xi kultant anke tniġġis moderat tal-arja. Fi Praga spiss jaħkem ukoll ir-riħ mill-Punent b'mod sostnut u l-veloċità medja tar-riħ tkun 16 km/h (10 mph) li sikwit tgħin biex taqta' l-inverżjonijiet fit-temperaturi u ġġib il-bnazzi fix-xhur kesħin.

Data klimatika għal Praga (temperaturi normali fl-1981-2010, temperaturi estremi mill-1775 sal-preżent)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 17.4

(63.3)

19.2

(66.6)

22.5

(72.5)

28.8

(83.8)

32.5

(90.5)

37.9

(100.2)

37.8

(100.0)

37.4

(99.3)

33.1

(91.6)

27.0

(80.6)

19.5

(67.1)

17.4

(63.3)

37.9

(100.2)

Temp. għolja medja f'°C (°F) 2.6

(36.7)

4.4

(39.9)

9.1

(48.4)

15.1

(59.2)

20.3

(68.5)

22.8

(73.0)

25.3

(77.5)

25.1

(77.2)

19.9

(67.8)

14.2

(57.6)

7.2

(45.0)

3.4

(38.1)

14.1

(57.4)

Temp. medja kuljum f'°C (°F) 0.1

(32.2)

1.3

(34.3)

5.3

(41.5)

10.1

(50.2)

15.0

(59.0)

17.8

(64.0)

19.9

(67.8)

19.6

(67.3)

15.2

(59.4)

10.3

(50.5)

4.6

(40.3)

1.1

(34.0)

10.0

(50.0)

Temp. għolja medja f'°C (°F) −2.4

(27.7)

−1.8

(28.8)

1.5

(34.7)

5.1

(41.2)

9.7

(49.5)

12.7

(54.9)

14.5

(58.1)

14.2

(57.6)

10.5

(50.9)

6.4

(43.5)

2.1

(35.8)

−1.1

(30.0)

6.0

(42.7)

Temp. għolja rekord f'°C (°F) −27.5

(−17.5)

−27.1

(−16.8)

−27.6

(−17.7)

−8

(18)

−2.3

(27.9)

1.9

(35.4)

6.7

(44.1)

6.4

(43.5)

0.7

(33.3)

−7.5

(18.5)

−16.9

(1.6)

−24.8

(−12.6)

−27.6

(−17.7)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 34

(1.3)

30

(1.2)

40

(1.6)

34

(1.3)

63

(2.5)

70

(2.8)

82

(3.2)

75

(3.0)

47

(1.9)

34

(1.3)

40

(1.6)

38

(1.5)

587

(23.1)

Medja ta' jiem bil-borra f'mm (pulzieri) 179

(7.0)

159

(6.3)

103

(4.1)

29

(1.1)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

1

(0.0)

84

(3.3)

159

(6.3)

714

(28.1)

Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni 5.7 5.2 6.6 5.8 8.5 9.4 8.9 8.4 7.3 5.5 7.1 5.9 84.3
Umdità relattiva medja (%) 86 83 77 69 70 71 70 71 76 81 87 88 77
Temp. medja tal-indewwa f'°C (°F) −4.6

(23.7)

−3.5

(25.7)

−1.1

(30.0)

2.0

(35.6)

7.0

(44.6)

10.3

(50.5)

11.6

(52.9)

11.5

(52.7)

9.1

(48.4)

5.1

(41.2)

0.6

(33.1)

−2.9

(26.8)

3.8

(38.8)

Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar 50.0 72.4 124.7 167.6 214.0 218.3 226.2 212.3 161.0 120.8 53.9 46.7 1,667.9
Medja tal-indiċi ultravjola 1 1 3 4 6 7 6 6 4 2 1 1 4
Sors: World Meteorological Organization (temperaturi u preċipitazzjoni fl-1981-2010)[62], NOAA u Weather Atlas.[63]
Data klimatika għal Praga (temperaturi normali fl-1991-2020)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja medja f'°C (°F) 2.9

(37.2)

5.7

(42.3)

9.9

(49.8)

16.3

(61.3)

20.6

(69.1)

24.1

(75.4)

26.0

(78.8)

26.0

(78.8)

20.6

(69.1)

14.9

(58.8)

8.0

(46.4)

3.8

(38.8)

14.9

(58.8)

Temp. medja kuljum f'°C (°F) 0.4

(32.7)

2.4

(36.3)

5.6

(42.1)

10.8

(51.4)

15.0

(59.0)

18.6

(65.5)

20.4

(68.7)

20.2

(68.4)

15.6

(60.1)

10.8

(51.4)

5.3

(41.5)

1.5

(34.7)

10.5

(51.0)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) −2.1

(28.2)

−1.0

(30.2)

1.4

(34.5)

5.3

(41.5)

9.5

(49.1)

13.1

(55.6)

14.7

(58.5)

14.4

(57.9)

10.5

(50.9)

6.6

(43.9)

2.6

(36.7)

−0.8

(30.6)

6.2

(43.1)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 25.8

(1.02)

21.8

(0.86)

31.4

(1.24)

26.8

(1.06)

65.1

(2.56)

79.7

(3.14)

75.9

(2.99)

77.3

(3.04)

44.2

(1.74)

35.4

(1.39)

30.0

(1.18)

29.7

(1.17)

543.1

(21.39)

Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar 53.1 82.9 128.1 192.5 220.4 230.0 240.0 227.6 163.5 109.9 48.9 43.3 1,740.2
Sors: Meteostat.[64]


  1. ^ "Czech Republic Facts" (bl-Ingliż). World InfoZone. Miġbur 2011-04-14.
  2. ^ "World InfoZone - Czech Republic Facts". web.archive.org. 2011-05-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-05-18. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Czech Republic Maps & Facts". WorldAtlas (bl-Ingliż). 2021-02-24. Miġbur 2023-04-04.
  4. ^ "Arquivo.pt". arquivo.pt. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-05-18. Miġbur 2023-04-04.
  5. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Prague". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-04.
  6. ^ "UK". Univerzita Karlova (biċ-Ċek). Miġbur 2023-04-04.
  7. ^ "GaWC - The World According to GaWC 2012". web.archive.org. 2017-05-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-05-03. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ "Quality of Living City Ranking | Mercer". mobilityexchange.mercer.com. Miġbur 2023-04-04.
  9. ^ "The PICSA Index - Prosperity & Inclusion City Seal & Award". web.archive.org. 2021-03-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-03-08. Miġbur 2023-04-04.
  10. ^ "Top 100 City Destinations Revealed: Prague among Most Visited In the World - Prague, Czech Republic". web.archive.org. 2018-08-29. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-08-29. Miġbur 2023-04-04.
  11. ^ "What's in a Name? (Prague History Lesson) – Prague Summer Program". web.archive.org. 2017-03-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-03-14. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  12. ^ Lucy S. Dawidowicz – The Golden Tradition: Jewish Life and Thought in Eastern Europe, 1996, p. 351.
  13. ^ Dudák, Vladislav (2010). Praha: Průvodce magickým centrem Evropy [Prague: A Guide to the Magical Center of Europe]. Praga. p. 184. ISBN 978-80-7252-302-3.
  14. ^ "Kolik věží má „stověžatá" Praha? Nadšenci jich napočítali přes pět set - iDNES.cz". web.archive.org. 2013-05-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-05-14. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  15. ^ "Prague Tourist Guide - visit Prague, city of hundred spires". web.archive.org. 2015-08-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-08-10. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  16. ^ Demetz, Peter (1997). "Chapter One: Libussa, or Versions of Origin". Prague in Black and Gold: Scenes from the Life of a European City. New York: Hill and Wang. ISBN 978-0-8090-7843-1.
  17. ^ "צמח דוד - גנז, דוד בן שלמה, 1541-1613 (page 72 of 217)". web.archive.org. 2022-04-21. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-04-21. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  18. ^ "Radio Prague - Unearthing Bohemia's Celtic heritage ahead of Samhain, the 'New Year'". web.archive.org. 2016-08-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-10. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  19. ^ "Atlantis české archeologie | Historie". web.archive.org. 2016-09-13. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-09-13. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  20. ^ "CS Magazin". web.archive.org. 2016-04-13. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-04-13. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  21. ^ "Slované na Hradě žili už sto let před Bořivojem – Novinky.cz". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  22. ^ "Archaeological Research - Prague Castle". web.archive.org. 2009-04-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-04-01. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  23. ^ "Vyšehrad | Praguewelcome – The official travel and tourism guide of Prague". web.archive.org. 2013-03-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-03-12. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  24. ^ "5 of the Best Gothic Buildings in Prague Photos | Architectural Digest". web.archive.org. 2018-08-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-08-23. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  25. ^ Wolverton, Lisa (2012). Hastening Toward Prague: Power and Society in the Medieval Czech Lands. University of Pennsylvania Press. ISBN 978-0812204223.
  26. ^ "Prague – an architectural gem in the heart of Europe | Radio Prague". web.archive.org. 2018-07-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-07-24. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  27. ^ Rothkirchen, Livia (2006). The Jews of Bohemia and Moravia: Facing the Holocaust. U of Nebraska Press. ISBN 978-0803205024.
  28. ^ "The Cambridge Economic History of Europe: Trade and industry in the Middle Ages Archived 3 May 2016 at the Wayback Machine". Michael Moïssey Postan, Edward Miller, Cynthia Postan (1987). Cambridge University Press. p. 417. ISBN 0-521-08709-0.
  29. ^ "History of Charles Bridge | Radio Prague". web.archive.org. 2019-09-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-09-05. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  30. ^ Guides, Rough (16 January 2015). The Rough Guide to Prague. Rough Guides UK. ISBN 9780241196311.
  31. ^ Dickinson, Robert E. (2003). The West European City: A Geographical Interpretation. Taylor & Francis. ISBN 9780415177115.
  32. ^ s.r.o. (FDb.cz), 2003-2019, Filmová databáze. "Deset století architektury (1997) [TV cyklus] - Nové Město pražské (1998), 2. série - 21. díl". FDb.cz (biċ-Ċek). Miġbur 2023-04-04.
  33. ^ "Palmitessa, James (2002). "The Archbishops of Prague in Urban Struggles of the Confessional Age 1561–1612". Bohemian Reformation and Religious Practice. 4: 261–273" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-02-25. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  34. ^ "The Prague Pogrom of 1389@Everything2.com". web.archive.org. 2010-06-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-06-18. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  35. ^ "Prague Jewish Quarter". web.archive.org. 2009-04-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-04-17. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  36. ^ Chandler, Tertius; Fox, Gerald (2013). 3000 Years of Urban Growth. Elsevier. ISBN 9781483271255.
  37. ^ "Architecture of the Gothic". web.archive.org. 2013-08-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-08-08. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  38. ^ "Old Royal Palace with Vladislav Hall - Prague Castle". web.archive.org. 2009-04-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-04-01. Miġbur 2023-04-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  39. ^ "Religious conflicts". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-03-04. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  40. ^ "The Kingdom of Bohemia during the Thirty Years' War". web.archive.org. 2011-07-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-18. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  41. ^ "Prague | Jewish Virtual Library". web.archive.org. 2017-01-13. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-01-13. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  42. ^ "Peste - Google Books". web.archive.org. 2016-05-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-05-03. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  43. ^ Prague. Volume 22. Miġbur 2023-04-05.
  44. ^ "Jüdische Gemeinde - Prag". web.archive.org. 2022-03-31. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-03-31. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  45. ^ Bryant, Chad (2007). Prague in Black: Nazi Rule and Czech Nationalism. Cambridge, MA: Harvard University Press, p. 167ff. ISBN 978-0674024519.
  46. ^ "Looking back at the bombing of Prague - The Prague Post". web.archive.org. 2012-01-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-01-14. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  47. ^ "The bombing of Prague from a new perspective | Radio Prague". web.archive.org. 2018-02-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-02-20. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  48. ^ "Post-Communist Refections of the Prague Spring — Jiří Pehe". web.archive.org. 2017-09-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-09-17. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  49. ^ "Global Cities as Centers of Cultural Influence: A Focus on Istanbul, Turkey". web.archive.org. 2018-07-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-07-15. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  50. ^ "GamesBids.com - Prague Assembly Confirms 2016 Olympic Bid". web.archive.org. 2011-08-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-08-07. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  51. ^ "GamesBids.com - It's Official – Prague Out Of 2020 Bid". web.archive.org. 2010-09-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-09-10. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  52. ^ "Vítejte na stránkách Po Praze podél potoků (Portál životního prostředí hlavního města Prahy)". web.archive.org. 2022-04-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-04-17. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  53. ^ "Hostivařská přehrada není jen na koupání, ale i na výlet – Hostivařská přehrada". web.archive.org. 2021-05-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-05-09. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  54. ^ "Sedm pražských NEJ aneb Neznámý kopec Teleček | E15.cz". web.archive.org. 2021-05-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-05-14. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  55. ^ "Latitude and Longitude of World Cities (London, L.A., Paris, Singapore) — Infoplease.com". web.archive.org. 2011-05-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-05-24. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  56. ^ "Latitude and Longitude of World Cities (London, L.A., Paris, Singapore) — Infoplease.com". web.archive.org. 2011-05-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-05-24. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  57. ^ "Vancouver, Canada latitude/longitude". web.archive.org. 2012-01-25. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-01-25. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  58. ^ "Kudy z nudy - Póly metropole – nejvzdálenější body hlavního města". web.archive.org. 2022-04-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-04-17. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  59. ^ "Prague, Czech Republic Koppen Climate Classification (Weatherbase)". web.archive.org. 2019-12-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-12-18. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  60. ^ "Praga - Adeilson Nogueira - Google Books". web.archive.org. 2021-01-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-01-26. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  61. ^ "Prag Gezi Rehberi: Prag Travel Guide - Muhsin Kadıoğlu - Google Books". web.archive.org. 2022-04-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-04-07. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  62. ^ "Portál ČHMÚ : Historická data : Počasí : Územní teploty". web.archive.org. 2021-01-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-01-18. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  63. ^ "Prague, Czech Republic - Detailed climate information and monthly weather forecast | Weather Atlas". web.archive.org. 2019-07-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-07-02. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  64. ^ "The Weather's Record Keeper | Meteostat". web.archive.org. 2022-04-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-04-17. Miġbur 2023-04-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]