Aqbeż għall-kontentut

Kaskati ta' Vitorja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Kaskati ta' Vitorja

Il-Kaskati ta' Vitorja (bl-Ingliż: Victoria Falls; bil-Lozi: Mosi-oa-Tunya, litteralment "Id-Duħħan li Jriegħed"; bit-Tonga: Shungu Namutitima, litteralment "Ilma Jagħli") huma kaskati tul ix-xmara Zambezi fin-Nofsinhar tal-Afrika, li jipprovdu ħabitat għal diversi speċijiet uniċi ta' pjanti u ta' annimali. Jinsabu fil-fruntiera bejn iż-Żambja u ż-Żimbabwe u huma fost l-ikbar kaskati fid-dinja, b'wisa' ta' 1,708 metri (5,604 piedi).[1]

Is-siti arkeoloġiċi u l-istorja orali jiddeskrivu rekord twil ta' għarfien Afrikan dwar is-sit. Għalkemm kienu magħrufa għal xi ġeografi Ewropej qabel is-seklu 19, il-missjunarju Skoċċiż David Livingstone identifika l-kaskati fl-1855, u pprovda l-isem kolonjali ta' Kaskati ta' Vitorja f'ġieħ ir-Reġina Vitorja. Minn nofs is-seklu 20 'l hawn, is-sit kulma jmur sar sors importanti ta' turiżmu. Iż-Żambja u ż-Żimbabwe t-tnejn li huma għandhom parks nazzjonali u infrastruttura turistika fis-sit. Mir-riċerka fl-aħħar tas-snin 10 tas-seklu 21 ħareġ li t-tibdil fil-klima kkawża varjabbiltà fil-preċipitazzjoni u li x'aktarx se jibdel il-karattru tal-kaskati.

Oriġini tal-isem

[immodifika | immodifika s-sors]

David Livingstone, il-missjunarju u l-esploratur Skoċċiż, huwa l-ewwel Ewropew li ġie rreġistrat li ra l-kaskati fis-16 ta' Novembru 1855, mill-Gżira ta' Livingstone, waħda minn żewġ mases ta' art fin-nofs tax-xmara, eżatt 'il fuq mill-fluss tal-kaskati ħdejn ix-xatt tan-naħa taż-Żambja.[2] Livingstone semmihom għar-Reġina Vitorja, iżda l-isem bis-Sotho, Mosi-oa-Tunya — "Id-Duħħan li Jriegħed" — għadu jintuża spiss. Il-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO uffiċjalment tirrikonoxxi ż-żewġ ismijiet.[3] Livingstone kkwota wkoll isem iktar antik, Seongo jew Chongwe, li jfisser "Il-Post tal-Qawsalla", b'riżultat tar-raxx kostanti.[4]

Il-park nazzjonali fil-qrib fiż-Żambja huwa magħruf bħala Mosi-oa-Tunya, filwaqt li l-park nazzjonali u r-raħal fuq in-naħa taż-Żimbabwe t-tnejn li huma huma magħrufa bħala bl-isem bl-Ingliż.[5]

Veduta tal-kaskati mill-ajru.

Filwaqt li mhumiex l-ogħla jew l-usa' kaskati fid-dinja, il-Kaskati ta' Vitorja huma kklassifikati bħala l-ikbar, abbażi tal-wisa' kkombinata tagħhom ta' 1,708 metri (5,604 piedi) u l-għoli ta' 108 metri (354 pied), li jirriżultaw fl-ikbar kaskata wiesgħa tal-ilma fid-dinja. Il-Kaskati ta' Vitorja bejn wieħed u ieħor huma d-doppju tal-għoli tal-Kaskati ta' Niagara fl-Amerka ta' Fuq u sew iktar mid-doppju bħala wisa'.[6]

Għal distanza konsiderevoli 'l fuq mill-fluss tal-kaskati, ix-xmara Zambezi tnixxi fuq wita tal-bażalt, f'wied baxx, ikkonfinat minn għoljiet baxxi u distanti tal-ġebla tar-ramel. Il-mogħdija tax-xmara fiha bosta gżejjer miksija bis-siġar, li jiżdiedu bħala għadd fejn ix-xmara toqrob il-kaskati. Ma hemm l-ebda muntanja, irdum jew wied fond; hemm biss promontorju ċatt estiż fuq mijiet ta' kilometri fid-direzzjonijiet kollha.

Il-kaskati jiffurmaw fejn il-wisa' sħiħa tax-xmara tinżel f'waqgħa vertikali unika f'fondoq trasversali enormi wiesa' 1,708 metri (5,604 piedi), imnaqqax bl-ilmijiet tagħhom tul żona ta' frattura fil-promontorju tal-bażalt. Il-fond tal-fondoq trasversali, imsejjaħ l-Ewwel Fondoq, ivarja bejn 80 metru (260 pied) fin-naħa tal-Punent u 108 metri (354 pied) fiċ-ċentru. L-unika żbokk tal-Ewwel Fondoq huwa distakk wiesa' 110 metri (360 pied) lejn madwar żewġ terzi tal-wisa' tal-kaskati min-naħa tal-Punent. Il-volum kollu tax-xmara jnixxi fil-fniedaq tal-Kaskati ta' Vitorja minn dan il-fondoq dejjaq.[7]

Filmat tal-kaskati miż-Żimbabwe f'Awwissu.

Hemm żewġ gżejjer lejn tarf il-kaskati li huma kbar biżżejjed biex jiddividu l-"purtiera" tal-ilma anke meta l-fluss ikun fl-aqwa tiegħu: il-Gżira ta' Boaruka (jew il-Gżira taċ-Ċarċara) qrib ix-xatt tal-Punent, u l-Gżira ta' Livingstone qrib in-nofs — il-punt minn fejn Livingstone lemaħ il-kaskati għall-ewwel darba. Meta l-fluss ikun inqas minn nofs, gżejriet oħra jiddividu l-purtiera tal-ilma f'nixxigħat paralleli separati. In-nixxigħat prinċipali jisimha, skont l-ordni miż-Żimbabwe (fil-Punent) saż-Żambja (fil-Lvant): iċ-Ċarċara tax-Xitan (li wħud isejħulha wkoll Ilma Jaqbeż), il-Kaskati Prinċipali, il-Kaskati tal-Qawsalla (l-ogħla) u ċ-Ċarċara tal-Lvant.

Ix-xmara Zambezi, 'il fuq mill-kaskati, tesperjenza staġun tax-xita mill-aħħar ta' Novembru sal-bidu ta' April[8], u staġun tan-nixfa fil-bqija tas-sena. L-istaġun tal-għargħar annwali tax-xmara huwa fi Frar sa Mejju u jilħaq il-qofol tiegħu f'April. Ir-raxx mill-kaskati tipikament jogħla sa għoli ta' iktar minn 400 metru (1,300 pied), u xi kultant saħansitra d-doppju, u jkun viżibbli sa xi 50 km (30 mil) 'il bogħod. Meta jkun qamar kwinta, tidher ukoll "qawsalla bid-dawl tal-qamar" fir-raxx minflok il-qawsalla tas-soltu ta' binhar. Madankollu, matul l-istaġun tal-għargħar, il-parti t'isfel tal-kaskati u l-biċċa l-kbira tal-"purtiera" tal-ilma ma tantx ikunu jidhru, u l-mogħdijiet bil-mixi tul l-irdum ta' faċċata tagħhom ikunu kostantement fir-raxx, fl-ilma u fiċ-ċpar. Qrib it-tarf tal-irdum, ir-raxx jispara 'l fuq qisu xita invertita, speċjalment fejn il-pont taż-Żambja.[9]

Meta jkun hemm l-istaġun tan-nixfa, il-gżejriet isiru usa' u iktar numerużi, u bejn Settembru u Jannar sa nofs il-wiċċ tal-blat ta' wara l-kaskati jibda jidher meta l-kaskati jibdew jinxfum u l-qiegħ tal-Ewwel Fondoq ikunu jidher tul il-biċċa l-kbira tat-tul tiegħu. F'dan iż-żmien isir possibbli (għalkemm mhux neċessarjament ikun sikur) li wieħed jimxi tul it-tarf ta' xi sezzjonijiet tax-xmara. Huwa possibbli li wieħed jimxi sal-qiegħ tal-Ewwel Fondoq fuq in-naħa taż-Żimbabwe. Il-fluss minimu, li jinzerta f'Novembru, ikun madwar għaxra fil-mija tal-fluss f'April; din il-varjazzjoni fil-fluss hija ferm ikbar minn kaskati maġġuri oħra, u twassal biex ir-rata tal-fluss medja annwali tal-Kaskati ta' Vitorja tkun iktar baxxa milli mistenni abbażi tal-fluss massimu. Fl-2019 l-ammont tassew baxx ta' xita, naqqas b'mod drastiku l-fluss tal-kaskati fl-iktar livell baxx f'dan l-aħħar seklu. Ġie ssuġġerit li t-tibdil fil-klima globali u t-tibdil fix-xejriet klimatiċi kienu l-kawża ta' dan.[10][11]

Veduta tal-kaskati u tal-pont mill-ajru.

Il-volum kollu tax-xmara Zambezi jnixxi mill-ħruġ wiesa' 110 metri (360 pied) tal-Ewwel Fondoq għal distanza ta' madwar 150 metru (490 pied), imbagħad jgħaddi minn serbut ta' fniedaq iddeżinjati skont l-ordni tagħhom tul ix-xmara. L-ilma li jgħaddi mit-Tieni Fondoq jgħaddi minn lilwa qawwija lejn il-lemin u naqqax pixxina fonda hemmhekk imsejħa l-Borma Tbaqbaq. Wieħed jista' jasal għaliha minn mogħdija tal-mixi wieqfa min-naħa taż-Żambja, b'wisa' ta' madwar 150 metru (500 pied). Is-superfiċe hija lixxa fejn l-ilma huwa baxx, iżda fejn hemm il-fond hemm belligħat enormi u turbolenza tbaqbaq kbira. L-oġġetti u l-annimali li jinġarru lejn il-kaskati, inkluż qajla xi ippopotamu, xi kukkudrill jew xi bniedem, spiss jinstabu jduru fl-ilma hemmhekk jew lejn it-tarf tal-Grigal tat-Tieni Fondoq. F'dan il-post tal-aħħar, fl-1910 nstabu l-katavri tas-Sinjura Moss u tas-Sur Orchard, mutilati mill-kukkudrilli, wara li żewġ kenura nqelbu ta' taħt fuq minn ippopotamu fejn il-Gżira t-Twila iktar 'il fuq mill-kaskati.[12]

Il-fniedaq prinċipali huma:

  • L-Ewwel Fondoq: il-fondoq li x-xmara tnixxi fih fil-Kaskati ta' Vitorja;
  • It-Tieni Fondoq: 250 metru (820 pied) fin-Nofsinhar tal-kaskati, b'tul ta' 2.15 kilometri (1.34 mil), li għandu l-Pont tal-Kaskati ta' Vitorja għaddej minn naħa għall-oħra tiegħu;
  • It-Tielet Fondoq: 600 metru (2,000 pied) fin-Nofsinhar, b'tul ta' 1.95 kilometru (1.21 mil), li fih l-Impjant tal-Enerġija tal-Kaskati ta' Vitorja;
  • Ir-Raba' Fondoq: 1.15 kilometru (0.71 mili) fin-Nofsinhar, b'tul ta' 2.25 kilometri (1.40 mil);
  • Il-Ħames Fondoq: 2.25 kilometri (1.40 mil) fin-Nofsinhar, b'tul ta' 3.2 kilometri (2.0 mili);
  • Il-Fondoq ta' Songwe: 5.3 kilometres (3.3 mi) fin-Nofsinhar, b'tul ta' 3.3 kilometri (2.1 mili); imsemmi għax-xmara ż-żgħira ta' Songwe li tnixxi mill-Grigal u x-xmara l-iktar fonda ta' 140 metru (460 pied); il-livell tax-xmara fihom ivarja sa 20 metru (66 pied) bejn l-istaġun tan-nixfa u l-istaġun tax-xita u l-għargħar.
Tabella dwar il-formazzjoni tal-kaskati.

In-naħa ta' fuq tax-xmara River oriġinarjament kellha fluss lejn in-Nofsinhar u kienet tgħaddi mit-territorju fejn illum il-ġurnata hemm il-Botswana u tingħaqad max-xmara ta' Limpopo.[13][14] Olzar ġenerali 'l fuq tal-art bejn iż-Żimbabwe u d-Deżert tal-Kalaħari madwar żewġ miljun sena ilu bblokka r-rotta tal-fluss, u fforma lag paleolitiku kbir magħruf bħala l-Lag ta' Makgadikgadi bejn id-Deżert tal-Kalaħari u l-promontorju tal-bażalt ta' Batoka taż-Żimbabwe u taż-Żambja. Dan il-lag oriġinarjament kien endorejku u ma kellu l-ebda żbokk naturali. Fil-kundizzjonijiet klimatiċi taħt l-ilma ta' madwar 20,000 sena ilu, eventwalment far u beda jnixxi lejn il-Lvant, u b'hekk sawwar il-Fondoq bażaltiku ta' Batoka.[15][16][17]

L-istorja ġeoloġika reċenti tal-Kaskati ta' Vitorja tista' tiġi identifikata permezz tal-għamla kumplessiva tal-Fondoq ta' Batoka, bis-sitt fniedaq individwali tiegħu u t-tmien pożizzjonijiet tal-imgħoddi fejn kien hemm il-kaskati. Il-fniedaq orjentati mil-Lvant għall-Punent jimplikaw kontroll strutturali b'allinjament tul il-ġonturi taż-żoni tat-tifrik, jew qasmiet b'għoli vertikali ta' 50 metru (160 pied) bħal fil-każ tat-tieni u tal-ħames fniedaq. L-erożjoni diretta tul dawn il-linji strutturali ta' dgħufija kienu jistabbilixxu linja ġdida ta' kaskati u l-abbandun tal-linja preċedenti. Il-ġonturi orjentati mit-Tramuntana għan-Nofsinhar jikkontrollaw is-sezzjonijiet tal-fluss fin-Nofsinhar tax-xmara. Waħda minnhom hija l-"Borma Tbaqbaq", li tikkollega l-Ewwel Fondoq mat-Tieni Fondoq.[18]

Il-kaskati jaf diġà bdew jaqtgħu passaġġ li se jifforma l-fondoq kbir li jmiss fil-ġejjieni, f'naħa waħda fit-tarf taċ-"Ċarċara tax-Xitan", bejn ix-xatt tal-Punent tax-xmara u l-Gżira taċ-Ċarċara. Ix-xoffa fil-kaskati attwali hija l-iktar baxxa hemmhekk u ġġorr l-iktar konċentrazzjoni ta' ilma fl-istaġun tal-għargħar.

Is-sekwenza sedimentarja fuq il-bażalt fil-marġnijiet tax-xmara Zambezi tissejjaħ il-Formazzjoni tal-Kaskati ta' Vitorja, li tikkonsisti minn żrar, ġebla tar-ramel, ramel tad-Deżert tal-Kalaħari, ramel tal-Eolji u depożitu alluvjali. Sezzjoni ta' 15-il metru sa 45 metru tikkonfina x-xmara madwar 5-6 kilometri mill-kanal prinċipali, u sensiela ta' artijiet imtarrġin tax-xmara huma evidenti bejn din is-sezzjoni u l-kanal.

Qawsalla fil-Kaskati ta' Vitorja.

Storja ġeoloġika

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-promontorju tal-bażalt tal-Kaskati ta' Vitorja, li fuqu tgħaddi x-xmara Zambezi, ġie ffurmat matul l-Era Ġurassika, madwar 200 miljun sena ilu.

Storja prekolonjali

[immodifika | immodifika s-sors]

Artefatti tal-ġebel taż-Żmien Bikri tal-Ġebel magħruf bħala Akeuljan u għodod bikrin taż-Żmien magħruf bħala Oldowan ġew skavati fis-siti arkeoloġiċi madwar il-kaskati. Barra minn hekk, instabu wkoll għodod taż-Żmien ta' Sangoan u artefatti taż-Żmien ta' Lupemban li jmorru lura għaż-Żmien Nofsani tal-Ġebel.[19] Bċejjeċ tal-fuħħar taż-Żmien Bikri tal-Ħadid ġew skavati f'sit tal-vlej ħdejn id-Diga ta' Masuma fil-bidu tas-snin 60 tas-seklu 20.[20] F'insedjament li jmur lura għall-aħħar tal-ewwel millenju W.K., instabet evidenza tat-tidwib tal-ħadid.[21]

Il-poplu Tonga tan-Nofsinhar magħruf bħala Batoka/Tokalea lill-kaskati sejjaħhom Shungu na mutitima. Iktar 'il quddiem il-Matabele sejħulhom aManz' aThunqayo, u l-Batswana u l-Makololo (li l-lingwa tagħhom tintuża mill-poplu Lozi) isejħulhom Mosi-o-Tunya. Dawn l-ismijiet kollha essenzjalment ifissru "d-duħħan li jriegħed".[22]

Mappa mfassla minn Nicolas de Fer fl-1715 turi l-kaskata mmarkata fil-pożizzjoni korretta. Turi wkoll linji bit-tikek li jindikaw ir-rotot tal-kummerċ li David Livingstone segwa 140 sena wara. Mappa tal-ħabta tal-1750 imfassla minn Jacques Nicolas Bellin għal Abbé Antoine François Prevost d'Exiles timmarka l-kaskati bħala "ċarċara" u tindika insedjament lejn it-Tramuntana tax-xmara Zambezi li dak iż-żmien kien amikevoli mal-Portugiżi.[23]

Veduta miż-Żimbabwe.

F'Novembru 1855, David Livingstone kien l-ewwel Ewropew li lemaħ il-kaskati, meta vvjaġġa min-naħa ta' fuq tax-xmara Zambezi sal-bokka tax-xmara bejn l-1852 u l-1856. Il-kaskati kienu magħrufa sew fost it-tribujiet lokali, u x'aktarx li l-kaċċaturi Voortrekker kienu jafu bihom, u l-istess l-Għarab b'isem ekwivalenti għal "l-aħħar tad-dinja". L-Ewropej kienu xettiċi dwar ir-rapporti tagħhom, x'aktarx għaliex ħasbu li n-nuqqas ta' muntanji u ta' widien fil-promontorju kienu jagħmluha inqas possibbli li jkun hemm kaskati.[24][25]

Livingstone ġie mgħarraf bil-kaskati qabel ma wasal qribhom min-naħa ta' fuq tax-xmara u twassal lejn gżira żgħira fiż-Żambja li issa hija magħrufa bħala l-Gżira ta' Livingstone. Preċedentement Livingstone kien baqa' impressjonat bil-Kaskati ta' Ngonye iktar 'il fuq, iżda mbagħad ħass li l-Kaskati ta' Vitorja kien ferm iktar impressjonanti, u tahom isem ir-Reġina Vitorja. Huwa kiteb dwar il-kaskati: "Ħadd ma jista' jimmaġina s-sbuħija tal-veduta minn kwalunkwe esperjenza fl-Ingilterra. L-ebda Ewropew qatt ma rahom qabel; iżda x'aktarx li xeni daqstant sbieħ rawhom l-anġli fil-ġenna".

Fl-1860, Livingstone reġa' lura fl-inħawi u għamel studju dettaljat tal-kaskati flimkien ma' John Kirk. Ewropej bikrin oħra kienu jinkludu l-esploratur Portugiż Serpa Pinto, l-esploratur Ċek Emil Holub, li għamel l-ewwel pjanta dettaljata tal-kaskati u tal-inħawi tal-madwar fl-1875 (ippubblikata fl-1880)[26], u l-artist Brittaniku Thomas Baines, li wettaq uħud mill-ewwel pitturi tal-kaskati. Qabel l-inħawi saru iktar aċċessibbli bil-kostruzzjoni ta' linja ferrovjarja fl-1905, il-kaskati qajla ġew viżitati minn Ewropej oħra. Xi kittieba jemmnu li l-qassis Portugiż Gonçalo da Silveira kien l-ewwel Ewropew li lemaħ il-kaskati saħansitra fis-seklu 16.[27][28]

Storja mill-1900

[immodifika | immodifika s-sors]

Pont tal-Kaskati ta' Vitorja jagħti bidu lit-turiżmu

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Tieni u Tielet Fniedaq tal-Kaskati ta' Vitorja.

L-insedjament Ewropew tal-inħawi tal-Kaskati ta' Vitorja beda għall-ħabta tal-1900 b'rispons għax-xewqa tal-Kumpanija Brittanika tal-Afrika t'Isfel ta' Cecil Rhodes għad-drittijiet għall-minerali u t-tmexxija imperjali fit-Tramuntana tax-xmara Zambezi, u l-isfruttament ta' riżorsi naturali oħra bħall-injam mill-foresti fil-Grigal tal-kaskati, l-avorju u l-ġlud tal-annimali. Qabel l-1905, wieħed kien jaqsam minn naħa għall-oħra tax-xmara 'l fuq mill-kaskati f'post magħruf bħala Old Drift permezz ta' kenura żgħira jew ċattra tal-injam rmunkata b'kejbil tal-azzar. Il-viżjoni ta' Rhodes ta' linja ferrovjarja mill-Kap sal-Kajr wittiet it-triq għall-ewwel pont fuq ix-xmara Zambezi. Huwa insista li jinbena fejn ir-raxx tal-kaskati jaqa' fuq il-ferroviji li jkunu għaddejin, u għalhekk intgħażel is-sit fit-Tieni Fondoq. Mill-1905 il-linja ferrovjarja offriet ivvjaġġar aċċessibbli minn saħansitra l-Kap fin-Nofsinhar u mill-1909, saħansitra mill-Kongo Belġjan fit-Tramuntana. Fl-1904 infetħet il-lukanda tal-Kaskati ta' Vitorja sabiex tilqa' lill-viżitaturi l-ġodda li kienu qed jaslu permezz tal-linja ferrovjarja. Kulma jmur il-kaskati saru attrazzjoni popolari matul it-tmexxija kolonjali Brittanika tar-Rodeżja tat-Tramuntana (iż-Żambja) u tar-Rodeżja tan-Nofsinhar (iż-Żimbabwe), u r-raħal ta' Victoria Falls sar iċ-ċentru turistiku prinċipali.

Movimenti matul l-indipendenza

[immodifika | immodifika s-sors]
Turisti jgħumu fil-"Pixxina tax-Xitan".

Fl-1964, ir-Rodeżja tat-Tramuntana saret l-istat indipendenti taż-Żambja. Is-sena ta' wara, ir-Rodeżja unilateralment iddikjarat l-indipendenza. Din ma ġietx irrikonoxxuta miż-Żambja, mir-Renju Unit u lanqas mill-maġġoranza l-kbira tal-istati dinjin u wasslet għal sanzjonijiet min-Nazzjonijiet Uniti. B'rispons għall-kriżi emerġenti, fl-1966 iż-Żambja rrestrinġiet jew waqt il-qsim tal-fruntiera; ma reġgħetx fetħet il-fruntiera għalkollox qabel l-1980. Mill-1972, fuq in-naħa tan-Nofsinhar tax-xmara Zambezi, faqqgħu gwerer ta' guerrilla magħrufa kollettivament bħala l-Gwerra tar-Rodeżja. In-numru ta' viżitaturi beda jbatti, b'mod partikolari fuq in-naħa tar-Rodeżja. Il-gwerra affettwat liż-Żambja permezz ta' inkursjonijiet militari, u wasslet biex iż-Żambja timponi miżuri ta' sigurtà, inkluż l-istazzjonar ta' suldati sabiex tirrestrinġi l-aċċess għall-fniedaq u għal xi partijiet tal-kaskati.

L-indipendenza taż-Żimbabwe ġiet rikonoxxuta b'mod internazzjonali fl-1980 u wasslet għal perjodu ta' paċi. Fis-snin 80 tas-seklu 20, it-turiżmu reġa' qabad jirranka u r-reġjun żviluppa f'ċentru tal-isport avventuruż. Fost l-attivitajiet li kisbu popolarità fl-inħawi kien hemm il-whitewater rafting fil-fniedaq, il-bungee jumping mill-pont, is-sajd sportiv, l-irkib taż-żwiemel, il-kayaking, u t-titjiriet fuq il-kaskati.[29]

Turiżmu fis-snin reċenti

[immodifika | immodifika s-sors]
Żewġ rinoċeronti bojod fil-Park Nazzjonali ta' Mosi-oa-Tunya f'Mejju 2005. Mhumiex indiġeni, iżda ġew importati mill-Afrika t'Isfel.

Sal-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20, kważi 400,000 ruħ kienu qed iżuru l-kaskati kull sena, u dan in-numru kien mistenni li jiżdied għal iktar minn miljun ruħ fid-deċennju ta' wara. Għad-differenza tal-parks bl-annimali selvaġġi, il-Kaskati ta' Vitorja jilqgħu iktar viżitaturi miż-Żimbabwe u miż-Żambja, milli turisti internazzjonali; l-attrazzjoni hija aċċessibbli bil-karozza tal-linja u bil-ferrovija, u għaldaqstant hija ferm inqas għalja biex tasal għaliha.

Iż-żewġ pajjiżi jippermettu lit-turisti jagħmlu ġiti ta' jum fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera biex ikunu jistgħu jaraw il-kaskati minn veduti differenti. Il-viżitaturi b'viżi bi dħul uniku jkollhom iħallsu għal viża differenti kull darba li jaqsmu l-fruntiera; il-viżi jistgħu jinkisbu fiż-żewġ punti rispettivi tal-fruntiera. Il-prezzijiet ivarja bejn US$50 u US$80 (minn Jannar 2017). Ir-regolamenti dwar il-viżi jinbidlu spiss; il-viżitaturi jingħataw il-parir biex jivverifikaw ir-regoli li jkunu fis-seħħ fiż-żewġ pajjiżi qabel ma jaqsmu l-fruntiera. Barra minn hekk, it-turisti barranin jistgħu jixtru viża KAZA għal US$50 li tippermettilhom jivvjaġġaw bejn iż-Żambja u ż-Żimbabwe għal massimu ta' 30 jum diment li jibqgħu f'dawn iż-żewġ pajjiżi.

Karatteristika famuża tal-kaskati hija l-formazzjoni naturali b'għamla ta' "divan" (li issa xi kultant tissejjaħ "Pixxina tax-Xitan"), ħdejn ix-xifer tal-kaskati fuq in-naħa taż-Żambja, tul it-tarf tal-Punent tal-Gżira ta' Livingstone. Meta l-fluss tax-xmara jkun f'ċertu livell, normalment bejn Settembru u Diċembru, barriera tal-blat tifforma belliegħa b'kurrent minimu, li tippermetti lill-għawwiema avventurużi jgħumu b'sikurezza relattiva quddiem il-punt fejn l-ilma jinżel fil-kaskati.[30] Ġiet irrapportata mewta waħda ta' gwida tat-turisti.[31]

L-għadd ta' viżitaturi fuq in-naħa taż-Żimbabwe storikament huwa ferm ogħla mill-għadd ta' viżitaturi fuq in-naħa taż-Żambja, minħabba li hemm iktar żvilupp fil-faċilitajiet għall-viżitaturi hemmhekk. Madankollu, l-għadd ta' turisti li jżuru ż-Żimbabwe beda jonqos fil-bidu tas-snin 2000 meta bdew jiżdiedu t-tensjonijiet politiċi bejn il-partitarji u l-avversarji tal-President Robert Mugabe. Fl-2006, madwar 30 % biss tal-postijiet fil-lukandi kienu okkupati fuq in-naħa taż-Żimbabwe, filwaqt li fuq in-naħa taż-Żambja, il-lukandi kienu kważi kollha mimlijin, u r-rati fl-ogħla lukandi saħansitra laħqu s-US$630 kull lejl.[32][33] L-iżvilupp rapidu wassal biex in-Nazzjonijiet Uniti jikkunsidraw it-tneħħija tal-istatus ta' Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[34] Barra minn hekk, il-problemi tar-rimi tal-iskart u n-nuqqas ta' ġestjoni effettiva tal-ambjent tal-kaskati huma ta' tħassib.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta panoramika tal-kaskati mill-ajru.

Il-Kaskati ta' Vitorja ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1989.[35]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[35]

Ambjent naturali

[immodifika | immodifika s-sors]

Parks nazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta mill-ajru tal-kaskati.

Iż-żewġ parks nazzjonali tal-kaskati huma relattivament żgħar — il-Park Nazzjonali ta' Mosi-oa-Tunya għandu erja ta' 66 km2 (25 mil kwadru) u l-Park Nazzjonali tal-Kaskati ta' Vitorja għandu erja ta' 23 km2 (8.9 mili kwadri). Madankollu, ħdejn dan tal-aħħar fuq ix-xatt tan-Nofsinhar hemm il-Park Nazzjonali tax-Xmara Zambezi, estiż fuq 40 kilometru (25 mil) fil-Punent tul ix-xmara. L-annimali jistgħu jiċċaqilqu minn park għall-ieħor fiż-Żimbabwe u jistgħu jaslu wkoll saż-Żona tas-Safaris ta' Matetsi, sal-Park Nazzjonali ta' Kazuma u sal-Park Nazzjonali ta' Hwange fin-Nofsinhar.

Fuq in-naħa taż-Żambja, iċ-ċnut u l-periferiji ta' Livingstone jwasslu biex il-biċċa l-kbira tal-annimali joqogħdu fil-Park Nazzjonali ta' Mosi-oa-Tunya. Barra minn hekk, xi loġoġ turistiċi għamlu xi ċnut ukoll, b'rispons għall-kriminalità, u dawn jirrestrinġu wkoll il-moviment tal-annimali.

Fuq in-naħa tal-Botswana, il-Park Nazzjonali ta' Chobe jinsab distanza qasira 'l bogħod u huwa post popolari għal ġita ta' jum fost bosta turisti li jżuru l-Kaskati ta' Vitorja għal soġġorn twil. Dan il-park joffri iktar flora u fawna diversa mill-Park Nazzjonali ta' Hwange.[36]

Fl-2004 ġie stabbilit grupp separat tal-pulizija msejjaħ il-Pulizija tat-Turiżmu. Normalment jaħdmu fl-inħawi ewlenin fejn ikun hemm it-turisti, u jistgħu jiġu identifikati mill-uniformijiet tagħhom b'ġagagi riflettivi sofor.[37]

Veġetazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-foresti tul ix-xmara b'siġar tal-palm jinsabu max-xtut u fuq il-gżejjer 'il fuq mill-kaskati. Madankollu, l-iżjed aspett notevoli tal-veġetazzjoni tal-inħawi hija l-foresta tropikali misqija mir-raxx tal-kaskati, li fiha pjanti rari għal din iż-żona, bħas-siġar tal-kawba Afrikani, is-siġar tal-ebanu, is-siġar tal-palm tal-avorju, is-siġar tal-palm tat-tamal selvaġġ, is-siġar tal-għanbaqar ta' batoko u l-pjanti xeblikin u l-ljani. Lil hinn miż-żona tax-xmara, is-savana bil-boskijiet ta' mopane huma predominanti fl-inħawi, b'irqajja' iżgħar ta' boskijiet ta' miombo u tas-siġar tat-tik tar-Rodesja, u savana bl-arbuxelli. Il-veġetazzjoni batiet ferm fin-nixfiet ta' dan l-aħħar, u l-istess batew l-annimali li jiddependu fuqha, b'mod partikolari tal-antilopi.[38]

Organiżmi selvaġġi

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-parks nazzjonali fihom abbundanza ta' organiżmi selvaġġi, inkluż popolazzjonijiet imdaqsin ta' iljunfanti, bufli tal-Kap, ġiraffi, żebri ta' Grant, u varjetà ta' antilopi. L-iljuni, il-leopardi Afrikani u ċ-cheetahs tal-Afrika t'Isfel qajla jitfaċċaw. Ix-xadini Chlorocebus pygerythrus u l-babwini huma komuni. Ix-xmara 'l fuq mill-kaskati fiha popolazzjonijiet kbar ta' ippopotami u kukkudrilli. L-iljunfanti Afrikani jaqsmu x-xmara fl-istaġun tan-nixfa f'punti partikolari.

Fil-fniedaq wieħed jista' jara wkoll klipspringers, baġers wikkiela tal-għasel, gremxul u lontri mingħajr dwiefer, iżda l-fniedaq huma magħrufa l-iktar għall-35 speċi ta' għasafar tal-priża. Il-falkun ta' Taita, l-ajkla ta' Verreaux, il-bies u l-kuċċarda Buteo augur jitnisslu hemmhekk. 'Il fuq mill-kaskati, ir-russetti, l-ajkli Afrikani li jieklu l-ħut u diversi tipi ta' għasafar tal-ilma huma komuni.

Ix-xmara fiha 39 speċi ta' ħut taħt il-kaskati u 84 speċi ta' ħut 'il fuq minnhom. Dan juri l-effettività tal-kaskati bħala fruntiera diviżorja bejn il-parti ta' fuq u t'isfel tax-xmara Zambezi.

Effetti tat-tibdil fil-klima

[immodifika | immodifika s-sors]

Fi Frar 2020, ir-rivista National Geographic enfasizzat it-theddida għall-kaskati minn kundizzjonijiet tat-temp estrem.[39] Iż-żieda fit-temperaturi kulma jmur qed twassal biex ir-reġjun isir iktar sħun u iktar niexef. Hemm varjabbiltà sostanzjali fil-fluss tal-ilma minn sena għall-oħra, bi tnaqqis sinifikanti fix-xejra ġenerali tal-għasafar tal-ilma f'Settembru, f'Ottubru, f'Novembru u f'Diċembru.[40] Dan it-tnaqqis jispikka b'mod partikolari fis-snin tan-nixfiet il-kbar, li kulma jmur qed isiru iktar frekwenti u iktar intensivi.[41] Tali okkorrenzi affettwaw l-estetika tal-kaskati, u hemm tħassib li l-Kaskati ta' Vitorja jsiru kkategorizzati bħal xi Siti ta' Wirt Dinji oħra li jitqiesu bħala destinazzjonijiet li tajjeb wieħed iżurhom qabel ma jkun tard wisq.[42]

Ir-rikonoxximent tar-riskji għall-kaskati qajjem dibattitu kbir fost dawk li jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu kemm fiż-Żambja kif ukoll fiż-Żimbabwe.[43] Filwaqt li diġà kellu impatt negattiv fuq it-turiżmu, bosta esperti fir-reġjun iddikjaraw li dan mhux minnu, u li huwa għajdut ibbażat fuq riċerka ħażina u ġurnaliżmu irresponsabbli. Ma jiċħdux it-tibdil fil-klima u l-impatt li qed ikollu fuq l-ammont ta' ilma fil-kaskati, iżda jargumentaw li r-riċerka li saret mhix kompluta biżżejjed biex twassal għal tali konklużjonijiet.[44]

Daqs u r-rata tal-fluss tal-Kaskati ta' Vitorja, flimkien ma' dawk ta' Niagara u ta' Iguazu għat-tqabbil
Parametri Kaskati ta' Victoria Kaskati ta' Niagara Kaskati ta' Iguazu
Għoli f'metri u f'piedi: 108 m 360 ft 51 m 167 ft 64–82 m 210–269 ft
Wisa' f'metri u f'piedi: 1,708 m 5,604 ft 1,203 m 3,947 ft 2,700 m 8,858 ft
Unitajiet tar-rata tal-fluss (vol/s): m3/s cu ft/s m3/s cu ft/s m3/s cu ft/s
Rata tal-fluss annwali medja: 1,088 38,430 2,407 85,000 1,746 61,600
Rata tal-fluss fix-xahar medja – mass.: 3,000 105,944
Rata tal-fluss fix-xahar medja – min.: 300 10,594
Rata tal-fluss fix-xahar medja – mass. ta' 10 snin: 6,000 211,888
L-Ogħla fluss irreġistrat: 12,800 452,000 6,800 240,000 45,700 1,614,000
Noti: Ara r-referenzi għal spjegazzjoni tal-kejliet.Għall-ilma, metri kubi fis-sekonda = tunnellati fis-sekonda.Nofs l-ilma tal-fluss lejn il-Kaskati ta' Niagara jiġi ddevjat għall-enerġija idroelettrika.Il-Kaskati ta' Iguazu jinżlu f'żewġ punti differenti; l-għoli mogħti huwa tal-ogħla punt u l-għoli totali.Jeżistu 10 kaskati li għandhom rati tal-fluss ikbar mill-Kaskati ta' Vitorja jew daqshom, iżda mhumiex għoljin daqs il-Kaskati ta' Iguazu u ta' Vitorja.
  1. ^ @NatGeoUK (2019-03-19). "Soar Above One of the Most Awe-Inspiring Waterfalls on Earth". National Geographic (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-15.
  2. ^ "Livingstone Tourism Association, Victoria Falls, Zambia | Livingstone, Zambia". www.livingstonetourism.com. Miġbur 2022-09-15.
  3. ^ "World Waterfall Database: World's Tallest Waterfalls". web.archive.org. 2007-07-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-07-14. Miġbur 2022-09-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ Wellington, John H. (1955). Southern Africa: A Geographical Study. Vol. 1. Cambridge: University Press. p. 392.
  5. ^ "Medium Term Plan (MTP): January 2010 – December 2015 (PDF). Gvern taż-Żimbabwe" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2013-10-29. Miġbur 2022-09-15.
  6. ^ "World Waterfall Database: World's Tallest Waterfalls". web.archive.org. 2007-07-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-07-14. Miġbur 2022-09-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ Scheffel, Richard L.; Wernet, Susan J., eds. (1980). Natural Wonders of the World. United States of America: Reader's Digest Association, Inc. pp. 402–403. ISBN 0-89577-087-3.
  8. ^ "World Commission on Dams" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-07-01. Miġbur 2022-09-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  9. ^ Spectrum Guide to Zambia. Nairobi: Camerapix Publishers International. 1996. ISBN 978-1-86872-012-5.
  10. ^ "As Victoria Falls slows to a trickle, Zambia raises alarm over climate change" (bl-Ingliż). 2019-12-07. Miġbur 2022-09-15.
  11. ^ Falls, Reuters at Victoria (2019-12-07). "Victoria Falls dries to a trickle after worst drought in a century". the Guardian (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-15.
  12. ^ Hunt, B. L. (1959). "Kalomo to Livingstone in 1907". The Northern Rhodesia Journal. IV (1): 16.
  13. ^ Moore, A.E., Cotterill, F. P. D., Broderick, T., & Plowes, D. (2009). "Landscape evolution in Zimbabwe from the Permian to present, with implications for kimberlite prospecting". South African Journal of Geology. Geological Society of South Africa. 112: 82.
  14. ^ Moore, A.E., Cotterill, F. P. D., Broderick, T., & Plowes, D. (2009). "Landscape evolution in Zimbabwe from the Permian to present, with implications for kimberlite prospecting" (PDF). South African Journal of Geology. Geological Society of South Africa. 112: 82.
  15. ^ "Makgadikgadi Salt Pans". earthobservatory.nasa.gov (bl-Ingliż). 2018-07-07. Miġbur 2022-09-15.
  16. ^ "Geological history - Botswana Travel Guide". www.botswana-travel-guide.com. Miġbur 2022-09-15.
  17. ^ Moore, Andy (2016). Viljoen, Richard; Anhaeusser, Carl; Viljoen, Morris (eds.). The Victoria Falls and gorges, in Africa's Top Geological Sites. Cape Town: Struik Nature. pp. 16–20. ISBN 9781775844488.
  18. ^ Moore, Andy; Cotterill, Fenton (2010). "15". In Migon, Piotr (ed.). Vicotria Falls: Mosi-oa-Tunya - The Smoke That Thunders, in Geomorphological Landscapes of the World. Springer. p. 149. ISBN 9789048130542.
  19. ^ Clark, J. D. (1950). "Archaeology". The Stone Age cultures of Northern Rhodesia, with particular Reference to the Cultural and Climatic Succession in the Upper Zambezi Valley and its Tributaries. Cape Town: South African Archaeological Society. pp. 31–131.
  20. ^ Robinson, K. R. (1966). "The Iron Age site in Kapula Vlei, near the Masuma Dam, Wankie Game Reserve, Rhodesia". Arnoldia, Rhodesia (239): 1–7.
  21. ^ Vogel, J. O. (1975). "Kabondo Kumbo and the Early Iron Age in Victoria Falls region". Journal of the British Institute in Eastern Africa. 10 (1): 49–75.
  22. ^ "Untitled Document". www.nrzam.org.uk. Miġbur 2022-09-15.
  23. ^ "The History and Discovery of Victoria Falls" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-15.
  24. ^ The Northern Rhodesia Journal online: "Native Name of Victoria Falls", Vol I No 4 pp. 80–82 (1951).
  25. ^ Agter die Magalies: "Agter Die Magalies" B.K. de Beer, pp. 43–44 (1975) Postma Publications.
  26. ^ "Statue of explorer Emil Holub unveiled in Livingstone, Zambia". Radio Prague International (bl-Ingliż). 2005-09-22. Miġbur 2022-09-15.
  27. ^ Eric Anderson Walker. The Cambridge History of the British Empire, volume 2. CUP Archive, 1963.
  28. ^ Lawrence George Green. There's a Secret Hid Away. H. Timmins, 1956; 244 p. ISBN 9780869782071.
  29. ^ UNEP-WCMC (2005). "UNEP-WCMC Protected Areas Programme - Mosi-Oa-Tunya". UNEP-WCMC Website . Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-05-10. Miġbur 2022-09-15.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
  30. ^ "Devils Pool Victoria Falls and Livingstone Island Tour". www.victoriafalls-guide.net. Miġbur 2022-09-15.
  31. ^ "Tour guide in Vic Falls plunge". web.archive.org. 2012-03-02. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-03-02. Miġbur 2022-09-15.
  32. ^ Trofimov, Yaroslav (2006-12-29). "At African Waterfall, Visitors Confront A Tale of Two Cities" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-15.
  33. ^ Wines, Michael (2004-06-21). "Victoria Falls Journal; The Best of Times, and the Worst, for Two Tourist Towns" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-15.
  34. ^ "Victoria Falls 'at risk', UN warns | Ghostarchive". ghostarchive.org. Miġbur 2022-09-15.
  35. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Mosi-oa-Tunya / Victoria Falls". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-15.
  36. ^ "About Chobe National Park" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-10-02. Miġbur 2022-09-15.
  37. ^ "VICTORIA FALLS TOURISM POLICE - December 2011". web.archive.org. 2012-05-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-05-10. Miġbur 2022-09-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  38. ^ "Victoria Falls, Zimbabwe". independent-travellers.com. Miġbur 2022-09-15.
  39. ^ "Extreme weather threatens one of Earth's most awe-inspiring waterfalls". Travel (bl-Ingliż). 2020-02-18. Miġbur 2022-09-15.
  40. ^ Dube, Kaitano; Nhamo, Godwell (June 2018). "Climate variability, change and potential impacts on tourism: Evidence from the Zambian side of the Victoria Falls". Environmental Science & Policy. 84: 113–123.
  41. ^ Dube, Kaitano; Nhamo, Godwell (August 2019). "Climate change and potential impacts on tourism: evidence from the Zimbabwean side of the Victoria Falls". Environment, Development and Sustainability. 21 (4): 2025–2041.
  42. ^ Dube, Kaitano; Nhamo, Godwell (1 March 2020). "Tourist perceptions and attitudes regarding the impacts of climate change on Victoria Falls". Bulletin of Geography. Socio-economic Series. 47 (47): 27–44.
  43. ^ "Could Victoria Falls dry up?" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-15.
  44. ^ "Victoria Falls in 2020? Here's Proof It is Not Drying Up". Tamuka Travel (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-15.