Battalja ta' Verdun
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Il-Battalja ta’ Verdun li damet sejra għaxar xhur kienet fost l-itwal battalji u b’telf enormi ta’ suldati. Din il-battalja li bdiet fil-21 ta’ Frar u damet sat-18 ta’ Diċembru tal-1916 seħħet madwar l-għoljiet ta’ Verdun-sur-Muese fil-Grigal ta’ Franza.
Ypres
[immodifika | immodifika s-sors]Is-serje ta’ ħames battalji flimkien ma’ numru kbir ta’ taqbidiet kienu damu sejrin, sa mid-19 ta’ Ottubru tal-1914 u kważi bla waqfien sad-29 ta’ April tal-1918, medda ta’ tliet snin u nofs. Għalhekk il-battalja ta’ Verdun seħħet fl-istess waqt li l-battalja ta’ Ypres kienet għaddejja mingħajr waqfien.
Il-Ġermaniżi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-ġlied madwar Vedrun kien mibdi mill-Ġermaniżi li ħasbu li l-Franċiżi kienu se jirritaljaw. Il-Franċiżi damu ma ħadu xi azzjoni għax kienu jistennew ir-rinforzi u għalhekk il-Ġermaniżi tilfu żmien ferm kruċjali. Sas-6 ta’ Marzu l-Franċiżi kienu tqawwew hekk li l-isparar qawwi tal-Ġermaniżi ftit kellu effett. Sad-29 ta’ Marzu l-artillerija Franċiża bdiet b’bumbardament kontinwu fuq il-Ġermaniżi li rriżulta f’ħafna mwiet fil-qawwiet Ġermaniżi. F’Mejju l-Ġermaniżi estendew l-assalt imma l-Franċiżi ma ċedewx u da parti tagħhom bdew attakk l-aktar aħrax kontra l-Forti Douaumont. L-offensiva Ġermaniża kompliet hekk li resqu sa erba’ kilometri miċ-ċittadella ta’ Verdun.
Somme
[immodifika | immodifika s-sors]Sadanittant kienet bdiet il-battalja ta’ Somme u l-Ġermaniżi kellhom iċaqilqu l-artillerija u s-suldati tagħhom lejn dawk l-inhawi. Dan ifisser li fuq il-Front tal-Punent kienu għaddejjin tliet battalji ferm kbar b’mod simultanju. Matul il-ġlied, bejn it-23 ta’ Ġunju u s-17 ta’ Awwissu, Fleury kienet inbidlet 16-il darba minn idejn il-Ġermaniżi għal idejn il-Franċiżi. L-offensiva Ġermaniża kompliet titnaqqas minħabba l-kampanja tas-Somme. F’Awwissu u Diċembru kontra-offensivi Franċiżi reġgħu akkwistaw iż-żona kollha li kienu tilfu matul il-ġlied u akkwistaw taħt idejhom il-Forti Douaumont u l-Forti Vaux. It-telf ta’ ħajjiet kien enormi. Huwa kkalkolat li l-Franċiżi tilfu mal-515,000 suldat waqt li l-Ġermaniżi tilfu 461,000 suldati, total ta’ 976,000 imwiet, jew aħjar medja ta’ 98,000 imwiet kull xahar li damet il-battalja.
Taqbid aħrax
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Battalja ta’ Verdun kellha importanza enormi għaż-żewġ naħat. Il-Ġermaniżi kienu ppjanaw li jikkaġunaw l-akbar ammont ta’ mwiet fuq il-Franċiżi, hekk li l-armata Franċiża kienet tikkrolla. Min-naħa tal-Franċiżi huma ma setgħux iċedu, l-aktar meta kienu diġà tilfu ħafna eluf ta’ suldati u Verdun kellha aspett ta’ inkorraġġiment għall-moral tat-truppi. F’din il-battalja, bħal f’ħafna oħrajn, il-Ġermaniżi kienu wrew qilla fenomenali u l-iskop tagħhom kien li jirbħu indipendentament mill-imwiet tas-suldati. Għall-Franċiżi kienet battalja ta’ qlubija u kuraġġ fenominali.
B’kollox kien hemm ħames fażijiet. L-ewwel fażi kienet mill-21 ta’ Frar sal-1 ta’ Marzu tal-1916 u li kienet tikkonsisti minn żewġ taqbidiet li seħħew matul Frar. It-tieni fażi damet sejra mis-6 ta’ Marzu sal-15 ta’ April u kienet tikkonsisti minn żewġ taqbidiet. It-tielet fażi kellha erba’ taqbidiet li seħħew bejn is-16 ta’ April u l-1 ta’ Lulju. Ir-raba’ fażi wkoll kellha erba’ taqbidiet li damu sejrin mill-1 ta’ Lulju sas-17 ta’ Diċembru, 1916. L-aħħar fażi, u l-aktar kruċjali, seħħet mill-20 ta’ Awwissu tal-1917 sas-7 ta’ Settembru tal-1917. F’dik il-fażi ħadu sehem kemm ir-Raba’ Armata Franċiża u wkoll l-Ewwel Armata tal-Istati Uniti minħabba li sa dak iż-żmien l-Amerika kienet issieħbet mal-Alleati.
Flimkien, dawn attakkaw minn Moronvillers għal fuq ix-Xmara Meuse. Wara tliet sigħat ta’ bumbardament it-truppi Amerikani malajr ħatfu Malancourt, Bethincourt u Forges u sa nofsinhar tal-għada komplew javvanzaw lejn Gercourt, Cuisy, u l-parti tan-Nofsinhar ta’ Montfaucon u Cheppy. Il-Ġermaniżi għal xi żmien irnexxielhom iżommu lill-Amerikani imma mbagħad tilfu Ivoiry u Epinon-Tille. Rebħiet għall-Franċiżi-Amerikani kienu jinkludu wkoll Brabant, Haumont, Bois d’Haumont u Bois des Caures.
Sa Novembru l-forzi alleati ħatfu taħt idejhom madwar 20,000 priġunier, 150 kanun, 1,000 mortar u diversi eluf ta’ machine guns. Il-Ġermaniżi bdew b’irtirata li baqgħet sejra sal-armistizju.
Din il-battalja ta’ Verdun kienet fost l-aktar battalji qerrieda fl-istorja umana u estimi konservattivi jikkalkolaw li kważi miljun suldat kienu tilfu ħajjithom.